Saturday, January 24, 2026

Naxxar L. idawru telfa f’rebħa b’wirja ta’ karattru

Aqra wkoll

Naxxar L……………2

Zabbar SP………….1

Minn Cristian Muscat

Permezz ta’ wirja qalbiena u ta’ karattru, Naxxar Lions dawru telfa f’rebħa ta’ 2-1 kontra Zabbar SP.

B’hekk wara t-telfa ta’ 3-1 kontra Floriana, Naxxar, irritornaw għar-rebħ.

Ta’ nota huwa l-fatt li din kienet ir-raba’ rebħa minn ħames logħbiet għal Winston Muscat sa minn meta huwa ħa t-tmun ta’ Naxxar bħala kowċ.

Għal Zabbar iddebutta l-player Żvizzeru-Kroat Miro Soldo.

Kien biss fis-17-il minuta li waslet l-ewwel azzjoni denja ta’ nota b’Naxxar ikunu huma li joħqolu l-periklu meta Louis Pahama kellu rovexxjata mil-viċin li ntemmet għoli.

Zabbar wieġbu fis-26 minuta meta Mayron kellu d-daqqa ta’ ras tiegħu mill-viċin ukoll tintemm għoli.

Fil-ftuħ tat-tieni taqsima Zabbar ħarġu ferm aggressivi u ta’ dan ġew ippremjati meta fil-50 minuta wara indeċizjoni fid-difiża ta’ Naxxar, huma fetħu l-iskor hekk kif PEDRO CEJAS qabeż lill-goalkeeper ta’ Naxxar Matthias Debono u tefa’ f’lasta vojta.

Mas-siegħa logħob, Naxxar appellaw għall-penalty meta player ta’ Zabbar deher li allegatament miss il-ballun b’idu fil-kaxxa, iżda r-referee Joseph Scerri ħalla l-logħob għaddej.

Huma tilfu ċans tad-deheb li jġibu l-iskor indaqs fit-63 minuta meta Vitinho kellu x-xutt tiegħu salvat tajjeb mill-goalkeeper ta’ Zabbar, Ignacio Colombo, biex mir-rebound l-istess player ra lil difensur ta’ Zabbar jimblokka tajjeb, b’dawn tal-aħħar jeħilsuha ħafif.

Iżda l-istess player VITINHO ma kellux jiġi mċaħħad fis-66 minuta meta huwa baqa’ jinsisti għall-ballun u mill-viċin tefa’ ġewwa, bil-ballun jintemm fir-rokna tax-xibka, biex b’hekk irnexxielu jsib ix-xibka għat-tieni partita konsekuttiva, wara li fil-partita preċedenti skorja goal mill-isbaħ kontra Floriana.   

Huma komplew jiddettaw il-logħob u fid-79 minuta qalbu l-iskor favurihom meta minn azzjoni li bdiet minn potenzjalment foul favur Zabbar, VINICIUS FERREIRA DE JESUS, venven xutt minn tarf il-kaxxa minn pożizzjoni angolata li ma ta l-ebda ċans lil Colombo, biex irriżulta goal mill-isbaħ.

Il-pressjoni kienet kollha fuq Zabbar u fit-83 minuta freekick insidjuż tal-awtur tal-goal uniku għalihom, Cejas intemm ftit barra.

Huma komplew jippressaw għall-goal tad-draw u fil-ħin miżjud Cejas kellu xutt bid-dawra li ħareġ l-aħjar ta’ Debono li salva b’mod spettakolari, biex salva goal ċert.

Izda Naxxar komplew jamministraw il-vantaġġ minimu li kellhom sa tmiem il-partita.

Naxxar L.: Matthias Debono, Joao Pedro Iseppe, Theo Kruger, Mark Fenech, Louis Pahama, Joao Victor Souza Dos Santos, Rosiel Perreira Da Silva, Mattias Micallef, Cedric Nganmini (Emilio Montero 58), Vinicius Ferreira De Jesus, Joao Vitor Moura Cardoso

Zabbar SP: Ignacio Colombo, Massimo Forte (Liam Micallef 68), Miro Soldo (Timothy Eviparker 80), Pedro Cejas, Nicholas James Agius, Im Youngwon, Jake Micallef, Zean Leonardi, Mayron, Jurgen Pisani (Cameron Dalli 85), Mario Fontanella (Izaak Etim Akpan 67) Coach: Aniello Parisi

Referee: Joseph Scerri

Ass. Referees: Luke Portelli, Robert Curtis

Raba’ Uffiċjal: Philip Farrugia

Skorers: P. Cejas 51 (Z), Vitinho 68, Vinicius Ferreira De Jesus 79 (N)

Ammoniti: J. V. Moura Cardoso, T. Kruger (N), Mayron, M. Fontanella (Z)

Player tal-Logħba: Vitinho (N)

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport