Naxxar Lions …..2
Birkirkara ……….1
Minn Cristian Muscat
Naxxar Lions dawru telfa f’rebħa u ħasdu għal kollox lil Birkirkara bl-iskor ta’ 2-1 … biex irreġistraw l-ewwel rebħa kif ukoll skorjaw l-ewwel goal f’din it-Tieni Fażi.
Min-naħa l-oħra, din it- telfa kienet daqqa ta’ ħarta għall-Istripes li fil-veritá ma kienux fl-aqwa tagħhom.
Kienu Birkirkara li ħolqu l-ewwel attakk fit-tmien minuta meta xutt ta’ Maxuell Maia minn pożizzjoni angolata ġie salvat mill-goalkeeper, Matthias Debono.
Erba’ minuti wara, fit-tentattiv li jikklerja minn azzjoni ta’ free-kick mogħti minn Maia, Ryan Gilmour Cassar kien se jikkommetti auto-goal iżda l-ballun intemm f’corner.
B’azzjoni wara l-oħra, Birkirkara finalment fetħu l-iskor fis-16-il minuta meta wara li rċieca minn cross ta’ Leandro Lacunza, MAXUELL MAIA xeħet fix-xibka permezz ta’ daqqa ta’ ras biex kompla jsaħħaħ postu fil-quċċata tal-iskorers b’total ta’ 16-il goals.
Naxxar wieġbu għall-ewwel darba, fis-37 minuta, meta Edson Farias Cerqueira xeħet cross li sab lil Maicon De Souza Da Silva li kellu d-daqqa ta’ ras tiegħu mill-viċin salvata mill-goalkeeper, Giacomo Volpe.
Madankollu, fit-43 minuta, il-Lions kisbu d-draw meta mill-cross ta’ Cassar, il-Bulgaru Tomislav Papazov, xeħet fix-xibka tiegħu stess fit-tentattiv li jikklerja.
Fil-ftuħ tat-tieni taqsima Naxxar komplew fejn ħallew qabel il-mistrieħ u proprju, fis-57 minuta, huma dawru l-iskor favur tagħhom meta Laton indirizza cross fid-direzzjoni ta’ MAICON DE SOUZA DA SILVA li kien fil-post it-tajjeb fil-mument opportun u mill-viċin tefa’ ġewwa. Kien goal li ħasad għal kollox lill-Karkariżi li dehru diżorjentati għall-aħħar.
Il-partita tkompliet tkun karatterizzata b’ħafna logħob f’nofs il-ground, fejn ma ġiet innotata l-ebda azzjoni oħra denja ta’ nota, bin-Naxxarin ikomplu jamministraw il-vantaġġ minimu li kellhom sa tmiem il-partita.
NAXXAR L.: 1-Matthias Debono, 3-Nikolai Micallef, 4-Bacary Sane, 8-Neil Pace Cocks, 10-Edson Farias Cerqueira (7-Takuma Yamaguchi 76), 15-Ryan Gilmour Cassar, 18-Hugo Dos Santos Coelho (11-Tara Ndao 76), 20-Laton, 23-Maicon De Souza da Silva, 25-Fernando Barbosa Pereira, 44-Ito Yasukaze – Coach: George Vella
BIRKIRKARA: 1-Giacomo Volpe, 3-Maxuell Ignacio Morello, 6-Pablo Leonel Gaitan (7-Alex Da Paixao Alves 46), 9-Kemar Reid (10-Shaun Dimech 75), 13-Tomislav Papazov, 20-Alex Satariano, 24-Leandro Lautaro Lacunza, 25-Neil Micallef (8-Paul Mbong 60), 27-Alessandro Coppola, 59-Donovan Stephane Makoma (15-Brian Guy Esalo 75), 91-Maxuell Maia – Coach: Stefano De Angelis
REFEREE: Philip Farrugia
ASS. REFEREES: Duncan Spencer, David Castillo
RABA’ UFF: Trustin Farrugia Cann
SKORERS: M. Maia 16 (B), T. Papazov og 42, M. De Souza Da Silva 57 (NL)
AMMONITI: R. G. Cassar, B. Sane (NL), T. Papazov (B)