Saturday, December 21, 2024

Nazzareno Dalli ma jingħatax il-ħelsien mill-arrest

Aqra wkoll

Il-Maġistrat Marsanne Farrugia ma laqgħetx talba li saret mill-Avukati ta’ Nazzareno Dalli biex ikun jista’ jingħata l-ħelsien mill-arrest.

Nazzareno Dalli ta’ 43 sena, jinsab akkużat li fid-9 ta’ Marzu li għadda pprova joqtol żewġt ibniet ta’ 12 u 15-il sena, b’diversi daqqiet ta’ sikkina.

L-Avukat Mario Mifsud, wieħed mill-avukati tal-akkużat qal quddiem il-Maġistrat Farrugia li l-klijent tiegħu hu clean mid-droga u li segwa l-korsijiet kollha ta’ rijabilitazzjoni fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin.

Aktar minn hekk, Dalli ssottometta applikazzjoni għal kors ta’ rijabilitazzjoni fil-Caritas. Min-naħa tiegħu l-Aavukat Franco Debono rringrazzja lill-Qorti li ħaffet il-proċeduri u semgħet ix-xhieda kolha fi żmien qasir.

Minkejja dan, il-Qorti fid-deċiżjoni tagħha qalet li ma tħosshiex komda tieħu deċiżjoni qabel ma jkollha serħan tal-moħħ li jekk l-imputat jingħata l-ħelsien mill-arrest għandu s-sapport neċessarju.

Kien għalhekk li ġie ordnat li fis-seduta li jmiss tisma’ x-xhieda tal-uffiċjal tal-probabtion, rappreżentant tal-Caritas u lill-psikologa li ssegwi lil Dalli. Din is-seduta mistennija ssir fis-7 ta’ dan ix-xahar.

Il-prosekuzzjoni qed titmexxa mill-Ispetturi Wayne Camilleri u Ian Vella flimkien mal-Avukati Etienne Savona u Manuel Grech għall-Avukat Ġenerali. Dalli qed jidher assistit mill-Avukati Mario Mifsud, Nicholas Mifsud, Franco Debono, Arthur Azzopardi u Jacob Magri. Għall-vittmi qed tidher l-Avukat Roberta Spiteri.

Ekonomija

Sport