Saturday, November 23, 2024

Nefqa ta’ aktar minn €10 miljun f’benefiċċji addizzjonali

Aqra wkoll

Il-Ministeru għall-Familja, Drittijiet tat-Tfal u Solidarjetà Soċjali, ħabbar proċess ieħor ta’ ħlasijiet ta’ benefiċċji soċjali mmirati għall-ħaddiema fis-settur privat, inkluż self-employed, li ntlaqtu mill-Covid-19.

In-nefqa totali issa telgħet għal €10.25 miljun meta wieħed iżid ukoll l-ħlasijiet ta’ kontribuzzjonijiet ta’ sigurtà soċjali, li jammontaw għal €1.025 miljun.

Dawn id-dettalji tħabbru waqt konferenza tal-aħbarijiet li qed issir ta’ kull ġimgħa, mill-Ministru għall-Familja, Drittijiet tat-Tfal u Solidarjetà Soċjali Michael Falzon u s-Segretarju Permanenti fi ħdan il-Ministeru Mark Musù.

Sa issa daħlu 10,692 applikazzjoni u ġew maħduma 98.9%, li jfisser li l-applikazzjonijiet kollha kważi nħadmu. Jirriżulta li l-applikazzjonijiet naqsu b’terz mill-bidu li tħabbru dawn il-benefiċċji, għar-raġuni li iktar persuni baqgħu fil-post tax-xogħol u ma kellhomx bżonn il-benefiċċju.

Sal-lum diġà ntlaqgħu u tħallsu 7,821 applikazzjoni li l-ammont fi flus tagħhom huwa ta’ €9.2 miljun.

Minbarra il-5,891 persuna li llum irċevew il-benefiċċju tal-ġenituri, dak mediku jew tad-diżabilità waqt li żammew l-impjieg, hemm 488 persuna oħra li waqqfu l-benefiċċju u rritornaw għax-xogħol – dawn huma 6,739 impjieg ieħor salvat li magħduda mat-93,114 impjieg salvati bl-iskemi tal-Malta Enterprise allura b’kollox sa issa ġew salvati 100,000 impjieg.

Dan ifisser li l-benefiċjarji mħallsa sa issa ħadu medja ta’ €1,310 f’għajnuna kull wieħed inkluż il-ħlas tal-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali – l-ammonti jvarjaw skont kemm persuna tkun ilha fuq il-benefiċċju u anke jekk hux full-time jew part-time.

29% tal-benefiċċjarji huma rġiel, filwaqt li 71% huma nisa, waqt li 82.5% huma Maltin u 17.5% barranin.

Intant, mill-bidu ta’ Marzu ‘l hawn, id-Dipartiment tas-Sigurtà Socjali irċieva 64,122 email, b’63,611 minnhom li kienu konklużi. Dan id-dipartiment irċieva 17,330  telefonata fuq il-helpline 25903000.

Daħlu 17,330 telefonata fuq il-helpline 2590 3030 tal-anzjani, 3,100 telefonata fuq il-helpline 1772 tal-Appoġġ, u 7,450 telefonata fuq Skype fir-Residenza San Vinċenz de Paul bejn ir-residenti u l-qraba tagħhom.

B’hekk il-ministeru rċieva total ta’ 30,098 telefonata fuq it-tliet helplines li qed jipprovdi.

Min-naħa tagħha, l-Agenzija Sapport organizzat it-tieni webinar fejn qed jingħata appoġġ professjonali onlajn lill-ġenituri u carers ta’ persuni b’dizabilità.

Il-Ministru Michael Falzon innota li pajjiżi oħra qed josservaw lil Malta bħala mudell fejn jidħol tqassim ta’ benefiċċji soċjali. Żied jgħid li dan hu gvern li jinsab disponibbli biex jassisti f’dawn iż-żminijiet diffiċli. Il-Ministru Falzon qal ukoll li fl-istess waqt tal-pandemija baqa’ jingħata kull benefiċċju eżistenti.

“Ma ssikkajniex iċ-ċinturin fl-aktar mumenti diffiċli, anzi ħriġna aktar idejna biex nassistu lil dawk l-iktar fil-bżonn. Iridu iżda inżommu l-bilanċ ekonomiku ma dak tas-saħħa, dawn it-tnejn iridu jimxu flimkien, għax jekk le niffaċjaw konsegwenzi serji u fit-tul”, temm jgħid il-Ministru Michael Falzon.

Sport