Minn Victor Vella
Waħda mir-realtajiet li qed jiffaċċjaw persuni li jagħmlu l-iswab tests hi dik li jinħareġ riżultat negattiv. Ġieli dan ikun għal diversi drabi imma imbagħad finalment ikunu dikjarati pożittivi b’xi testijiet wara. F’Malta ukoll kellna każi fejn vittmi jagħmlu testijiet u ġew dikjarati negattivi imma wara ġew pożittivi. Qed jiġri ukoll li qed ikun hemm persuni li minkejja li jkunu ġew dikjarati li fiequ mill-Covid-19, dawn qed jibqgħu ibatu minn għadd ta’ sintomi oħrajn. Fost dawn hemm uġigħ ta’ ras, uġigħ f’partijiet tal-ġisem u muskoli, ħmura f’partijiet tal-ġisem u qtugħ ta’ nifs. Inewsmalta tkellem ma’ Larry Debono. Hu Malti li jgħix barra u li minkejja li għamel diversi testijiet u ġie dikjarat negattiv, hu qed ibati minn għadd ta’ sintomi relatati mal-Covid19 fosthom qtugħ ta’ nifs.
Larry Debono, li tkellem ma’ inewsmalta dwar dak li għaddej minnu qalilna li “l-istorja tiegħi tmur lura għal diversi jiem. Kont qomt f’xi 3.00 ta’ filgħodu bi qtugħ kbir ta’ nifs. Ħassejtni qisni qed nifga. Kont noqgħod bil-wieqfa, anki norqod ma kontx nimtedd u dan biex nieħu nifs aħjar. Mort għand it-tabib u mill-ewwel qalli biex nagħmel swab test. Dan ħareġ negattiv. Ġara iżda li s-sintomi m’għaddewx u bqajt naqta nifsi. Erġajt mort għand it-tabib u għamilt swab test ieħor imma anki dan ħareġ negattiv ukoll. Tawni l-inhaler imma kif jgħaddi l-effett tiegħu nerġa’ nibda bil-qtugħ ta’ nifs. Qed jgħiduli. li rrid nieħu l-inhaler għal għomri kollu. Qed nitlob li xi darba niġi lura għan-normal, bin-nifs kif kien. JIen għandi l-istess sinomi ta’ dawk li jbatu mill-Covid-19, imma sa issa ma nafx x’qed jikkawża l-qtugħ ta’ nifs li qed inbati bih”. Kompla jgħid li “lili qed jgħiduli issa li xi drabi tiġri li t-testijiet ifallu u joħorġu negattivi.”
Il-Covid-19 ħoloq dawk li qed jissejħu ‘long haulers’
Larry irreaġixxa għal każ ta’ persuna pożittiva bil-Covid19, li ġiet dikjarata li fieqet imma imbagħad kellha tiddaħħal lura l-isptar. Hi qalet li “ninsab lura l-isptar. Qed niġġieled għan-nifs. Illum it-tobba qaluli li jien waħda minn dawk li huma qed jiddeskrivu bħala ‘long hauler’. Dan hu persuni li minkejja li jkunu fiequ mill-Covid19, huma xorta waħda jibqgħu ibatu minn xi sintomi. Qed inbati minn qtugħ ta’ nifs, uġigħ ta’ ras qawwi u uġigħ f’diversi partijiet ta’ ġismi. L-effeti ta’ wara, huma ħżiena daqs il-virus innifsu. Qed jiġri li t-tobba meta tgħidilhom b’dawn l-effetti, qed jgħidu li m’hemm xejn ħażin. Issa qed jgħiduli li l-virus ħoloq kategorija ġdida ta’ persuni, li qed jissejħu ‘long haulers’. Għal persuni bħali li nbati bl-ażma, dawn l-effetti jistgħu jkunu qattiela.”
Persuna li tkellmet ma’ dan is-sit qaltilna li “jien imradt bil-Covid diversi ġimgħat ilu, eżattament fl-eqqel sajf. Ġejt dikjarata ħielsa mill-Covid-19. Jien imma għadni qed inbati bin-nifs. Apparti dan xi kultant jirritornaw is-sintomi ta’ għejja u uġigħ ta’ ras”.
Persuna oħra li tkellmet magħna qalilna li “ilni aktar minn xahar li ġejt dikjarata li m’għadnix inbati bil-Covid-19. Minkejja dan qed jiġri li ġieli titlagħli ħmura fuq ġismi u nkun qisni bla saħħa”.
Ilni sitt xhur ħielsa imma nħossni li saħħti ma ġietx kif kienet qabel
Mara li ilha sitt xhur li fieqet mill-Covid-19 qaltilna li “inħoss li saħħti, allavolja qaluli li fiqt, ma ġietx lura kif kienet qabel. Ma nistax nispjegaha imma jien inħossni li saħħti mhux kif kienet qabel. Wieħed mis-sintomi li għadni niffaċċja hi l-għejja”.