Il-President tal-Ukrajna Volodymyr Zelensky qal li huwa lest li jinnegozja ma’ Donald Trump dwar pjan ta’ paċi appoġġjat mill-Istati Uniti li jinkludi appell lill-Ukrajna biex tagħmel konċessjonijiet diffiċli sabiex ittemm l-invażjoni tal-Kremlin f’pajjiżu.
L-Uffiċċju tal-President Zelensky ikkonferma li kien irċieva l-abbozz tal-pjan ta’ paċi, li kien imħejji minn uffiċjali Amerikani u Russi, u li wkoll se jitkellem ma’ Trump fil-jiem li ġejjin dwar opportunitajiet diplomatiċi eżistenti u l-punti ewlenin li huma meħtieġa għall-paċi.
F’messaġġ permezz ta’ video, Zelensky ddikjara li l-Ukrajna mhi se tagħmel xejn li jist’a jfixkel kwalunkwe sforz jew proċess diplomatiku. Huwa qal li l-Ukrajna teħtieġ il-paċi u se tagħmel minn kollox biex ħadd fid-dinja ma jkun jista’ jgħid li qed tiddisturba d-diplomazija.
Ir-rispons kawteljuż mill-amministrazzjoni tal-president tal-Ukrajna għall-pjan ta’ paċi intlaqa b’denunzji rrabjati minn xi uffiċjali Ukreni li sejħulu bħala assurd u inaċċettabbli.
Skont rapporti, il-proposta ġenerali ta’ 28 punt tixbaħ ħafna t-talbiet magħmula mir-Russja ftit wara l-invażjoni sħiħa tagħha fil-bidu tal-2022. Jingħad li din tfasslet minn uffiċjali Russi u Amerikani, bl-appoġġ ta’ Trump. L-Ukrajna ma ġietx ikkonsultata filwaqt li Diplomatiku Ewropew qal li sar jaf bil-pjan mill-aħbarijiet.
Il-pjan jipprevedi li l-Ukrajna tirrinunzja l-Krimea u r-reġjun ta’ Donbas, filwaqt li l-linji ta’ quddiem ta’ Kherson u Zaporizhzhia jiġu ffriżati tul il-linja ta’ kuntatt attwali. L-Ukrajna taqbel li tillimita l-armata tagħha għal 600,000 persuna, li jfisser tnaqqis ta’ mijiet ta’ eluf.
Proposti oħra tal-pjan jinkludu li ajruplani tal-ġlied Ewropej ikunu bbażati fil-Polonja biex jipproteġu l-Ukrajna, iżda l-ebda truppi tan-NATO ma jkunu stazzjonati fl-Ukrajna u Kyiv taqbel li qatt ma tingħaqad man-NATO.
Barra minn hekk, l-ebda truppi barranin ma jitħallew fuq art Ukrena, kundizzjoni li teskludi forza ta’ żamma tal-paċi wara l-ftehim immexxija mir-Renju Unit u Franza u li l-Istati Uniti jipprovdu garanziji ta’ sigurtà mhux speċifikati.
Barra minn hekk ukoll, 100 biljun dollari f’assi Russi ffriżati jiġu ddedikati għall-bini mill-ġdid tal-Ukrajna. Ikun hemm ukoll triq biex ir-Russja terġa’ tiġi integrata fl-ekonomija globali, bit-tneħħija futura tas-sanzjonijiet.
Uffiċjali Ukreni qalu li d-dokument jammonta għat-tmiem effettiv tal-eżistenza tal-Ukrajna bħala pajjiż indipendenti. Dan ġie kważi erba’ snin wara li t-truppi Russi ppruvaw u fallew biex jaħtfu l-Ukrajna.
Il-Kap tal-Politika Barranija tal-Unjoni Ewropea, Kaja Kallas, qalet li l-Ewropa laqgħet kwalunkwe sforz biex jinkiseb ftehim fit-tul u ġust għall-gwerra, iżda enfasizzat “biex kwalunkwe pjan jaħdem, jeħtieġ li l-Ukreni u l-Ewropej ikunu involuti.”


