Sunday, May 5, 2024

“Neħtieġu Oppożizzjoni kredibbli li ma tkunx iffukata fuq il-mibegħda lejn il-Laburist”

L-Avukat Franco Debono b’reazzjoni għall-Istħarriġ f’It-TORĊA

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Dawn ir-riżultati juru li gvern Laburista miexi lejn ir-raba’ rebħa storika li l-Partit Nazzjonalista qatt ma għamel. Iddikjara dan l-Avukat u l-eks membru parlamentari Franco Debono b’reazzjoni għall-istħarriġ ikkumissjonat mill-gazzetta It-TORĊA.

Debono qal li dan mhux stħarriġ uniku, anzi huwa wieħed f’kullana fejn fuq medda ta’ 10 snin kellna sitwazzjoni inkwetanti ta’ distakk massiċċ bejn iż-żewġ partiti l-kbar.

Rigward l-frammentazzjoni fi ħdan il-Partit Nazzjonalista, Debono kompla biex jgħid li din sfortunatament bdiet għax hemm nies li jew kif jgħidu huma jew xejn u li dawn ma tistax taħdem magħhom. Tkellem ukoll dwar problema oħra fejn għandek partit fl-Oppożizzjoni li għadu mitluf fin-nostalġija tal-passat anke fejn jidħlu ċertu rebħiet elettorali. Hawnhekk huwa esprima x-xewqa tiegħu li skontu hija x-xewqa tal-Maltin ġenwini, lil hinn mill-kulur politiku tagħhom, li jkun hawn Oppożizzjoni kredibbli u li ma tkunx iffukata fuq il-mibegħda lejn il-Laburist. L-Avukat kompla biex jgħid li hu m’għandux twemmin Laburist però saħaq li jirrispetta lil-Laburist għax fl-aħħar mill-aħħar aħna Maltin. 

Rigward il-kritika li qiegħda ssir minn ċertu organizzazzjonijiet fuq il-gvern, Debono qal li dik għandha tkun xi ħaġa tajba għall-Oppożizzjoni, iżda żied jgħid li jekk dawn se jibqgħu jitqatlu bejniethom għall-appoġġ b’tali mod li l-Labour jibqa’ jżomm dan id-distakk, se jibqa’ jkollna Oppożizzjoni li tkompli nieżla ’l isfel u ma ssibx ruħ.

Rigward il-viżjoni ’l quddiem, Debono qal li l-elettorat huwa sovran u jiddeċiedi u għalhekk ma’ jistax ikollok Oppożizzjoni li elezzjoni wara l-oħra tersaq bl-istess temi. Fakkar dwar meta madwar 10 snin ilu ppropona riforma kostituzzjonali ħolistika li skontu kellha tkun il-viżjoni tal-Partit Nazzjonalista u li kieku rikeb fuq dik il-viżjoni kieku llum il-Partit Nazzjonalista kien ikun fi stat differenti minn dak li jinsab fih. Sostna li l-Oppożizzjoni għadha mhix qiegħda tifhem li l-elettorat, elezzjoni wara l-oħra rriffjuta t-temi tagħha.

Sport