Friday, December 13, 2024

Neil Agius u Sue Abela huma l-Isportiv u l-Isportiva tas-Sena fit-62 edizzjoni ta’ Sport Malta Awards Għażliet Sportivi Nazzjonali

Aqra wkoll

L-Isportiv tas-Sena huwa Neil Agius, filwaqt li Sue Abela hija l-Isportiva tas-Sena. Dan sar magħruf wara li lbieraħ filgħaxija tħabbru r-rebbieħa tal-edizzjoni ta’ din is-sena ta’ SportMalta Awards Għażliet Sportivi Nazzjonali li jirrikonoxxu l-kisbiet sportivi tas-sena 2021. Ir-rebbieħa ntgħażlu minn ħames finalisti għal kull kategorija f’dawn l-awards. Għas-serata finali attendew ukoll bħala mistiedna internazzjonali l-Viċi President tal-AIPS Iannis Daras u l-President tal-Assoċjazjoni tal-Ġurnalisti Sportivi ta’ Ċipru Erodotos Militdaus.

Fis-serata, l-unur tas-Żagħżugħ tas-Sena u tas-Żagħżugħa tas-Sena marru għand Jeremy Zammit u Tenishia Thornton rispettivament. Anthony Farrugia ingħata l-unur bħala l-Aħjar Kowċ tas-Sena, filwaqt li Bernard Vassallo huwa l-Aħjar Uffiċjal tas-Sena. It-Tim tas-Sena huwa t-Tim Nazzjonali tal-Waterpolo tal-U15 filwaqt li l-People’s Choice Award marret għand Neil Agius.

Il-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Clifton Grima feraħ lir-rebbieħa kollha tal-edizzjoni ta’ din is-sena u wkoll lil kull min kien mal-finalisti. “Huwa ta’ pjaċir li ninsab magħkom għall-ħames sena, din id-darba bħala ministru responsabbli għal dan is-settur”, qal il-Ministru Clifton Grima. Huwa kompla jgħid li, “Dan juri l-impenn tal-gvern biex jgħolli l-livell tal-isport f’pajjiżna biex flimkien magħkom u l-ħidma tagħna nkomplu niksbu r-riżultati mhux biss li jagħmlu unur lilkom bħala sportivi u timijiet, imma wkoll unur għall-isem ta’ pajjiżna”.

Il-Ministru Grima fakkar żewġ avvenimenti li se jsiru f’pajjiżna, l-Ispecial Olyimpics fi ftit ġimgħat oħra u kważi sena oħra il-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar. “Żewġ avvenimenti li wkoll se jkomplu jpoġġu lil pajjiżna fuq il-mappa dinjija tal-Isport”, qal il-ministru.

Waqt is-serata ngħataw ukoll żewġ rikonoxximenti tal-aħjar żewġ atleti tal-Ispecial Olympics Malta u l-unur tal-Aħjar Attività Internazzjonali tas-Sena. Dawn intrebħu minn Rebecca Dalli u Jake Gatt għal Special Olympics Malta filwaqt li l-Assoċjazzjoni tal-Isport Akkwatiku kisbet l-unur tal-Aħjar Attività Internazzjonali – il-European Junior Artistic Championships.

Indirizzaw din is-serata wkoll il-President tal-Għaqda Ġurnalisti Sports Sandro Micallef u l-Kap Eżekuttiv ta’ Sport Malta Mark Cutajar.

Għal din il-finali ipparteċipaw 40 sportiv, uffiċjal jew tim maqsuma fi tmien kategoriji. Dawn il-finalisti kienu ngħataw il-vot ta’ 69 ġurnalist membru tal-Għaqda Ġurnalisti Sport.

Ekonomija

Sport