Tuesday, February 25, 2025

Neil Spiteri Montebello … talent żagħżugħ b’futur mill-isbaħ fil-hockey

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-hockey?

Sa minn eta` żgħira ħafna kont nipprova ħafna dixxiplini sportivi differenti għax l-isport minn dejjem kont inħobbu. Meta kelli sitt snin jien u ħija tħajjarna nippruvaw il-hockey ma’ Qormi Hockey Club. Hemm bdejt nitgħallem nilgħab dan l-isport, tgħallimt naħdem f’team u tgħallimt kemm hi important l-kelma dixxiplina fl-isport.  Sport li tani sodisfazzon kbir f’ħajti.

X’unuri maġġuri rbaħt fil-karriera tiegħek sa issa kemm fuq bażi personali kif ukoll bħala tim?

Irbaħt unuri bħala Most Promising u Best Player fil-kategoriji li nikkompetu fihom. Għalija kollha jfissru ħafna għax nagħti ħafna ħin għall-hockey. Is-sena l-oħra irċivejt ukoll Club Award bħala ringrazzjament tal-ħidma tiegħi għall-klabb. Naħseb l-iktar unuri li huma importanti li kont parti minnhom bħala tim, huma l-kampjonat tal-Under 16 ta’ sentejn ilu u l-Under 18 ta’ dawn l-aħħar snin. Bħala l-captain tat-tim, meta nara li t-tim ikun magħqud u ffokat biex nirbħu t-titlu flimkien, naħseb ikun l-ikbar sodisfazzjon li jkolli għax nista’ ngħid li kbirna l-klabb flimkien, u l-għaqda li nilagħbu biha tirrifletti fir-riżultati u l-unuri li niksbu. Hemm ukoll unuri li kont parti minnhom li ksibna bħala klabb fil-kampjonat tas-seniors. Irbaħna l-kampjonat sentejn ilu u n-KnockOut is-sena l-oħra. Naħdmu ħafna għalihom dawn l-unuri, kemm bħala tim u anke b’mod individwali.

Iddeskrivi l-esperjenza preżenti tiegħek ma’ Qormi HC.

Din is-sena rnexxielna nerġgħu nirbħu l-kampjonat tal-kategorija tal-Under 18 għal sena oħra. Din hi l-aħħar sena tiegħi li jien eliġibbli li nkun parti mill-Under 18. Ħdimna ħafna flimkien bħala team mal-coaches taghna, u kien unur kbir li ġejt ippreżentat it-tazza bħala l-captain tat-team.
Issa ili għal dawn l-aħħar snin nattendi training mat-tim tal-kbar ukoll. Nieħu t-training bis-serjeta` u għalkemm mhux dejjem faċli minħabba l-ħinijiet tal-lectures, nagħmel ħilti kollha biex kemm jista’ jkun ma nitlifx. Kemm waqt it-taħriġ u anke waqt il-logħob nipprova ntejjeb lili nnifsi u dejjem sibt lil min jgħini niżviluppa. Il-klabb dejjem ħa ħsiebi.  Hemm coaches, team mates u kumitat li jagħtu qalbhom għall-klabb. Jien f’din il-kultura tlajt u hekk kbirt.

X’tikkummenta fuq l-andament tat-tim matul dan l-istaġun sa issa?

S’issa bla dubju Qormi Hockey Club qed jiddomina x-xena lokali fil-hockey.  Mis-sezzjoni tal-juniors irbaħna l-kampjonat tal-Under 16 u l-Under 18. Fil-league tal-Hockey 7s ninsabu fil-quċċata tal-klassifika u qed naħdmu biex inżommu postna hemm taħt it-tmexxija tal-Coach Steve Tanti.  Fil-logħob mas-senior team kellna bidu mill-aqwa. Bdejna l-istaġun bir-rebħ taċ-Challenge Cup. Din is-sena beda league ġdid tal-Hockey 5s, u t-tim tagħna hawn ukoll qiegħed igawdi l-ewwel post.  Fil-league tal-kampjonat tas-senior, immexxija mill-Coach Andre Ghio, ma ġarrabna l-ebda telfa u qegħdin bl-ogħla punti wkoll. Naħseb li sejrin tajjeb ħafna u qed naħdmu b’dixxiplina biex inżommu postna.

X’inhuma t-tragwardi tagħkom għal dan l-istaġun?

Qormi Hockey Club dejjem jaħdem biex itejjeb il-pjejers u jikseb l-unuri li jaħdem għalihom. Mhux dejjem tkun faċli imma dak is-sabiħ tal-isport. Fejn niżbaljaw, nitgħallmu b’umilta` u fejn hemm bżonn iktar impenn, nagħtuh ukoll. Il-klabb jinvesti ħafna fina. Għalkemm għadni ta’ eta`żgħira, nitgħallem ħafna mill-coaches u minn min għandu esperjenza. B’hekk nikbru u b’hekk nirbħu flimkien. 

X’tikkummenta fuq il-kowċ, Andre Ghio?

Jien nitgħallem ħafna mill-Head Coach tagħna Andre Ghio. Nisma’ ħafna minn dak li jgħidli. Bravu ħafna fejn jidħlu tattiċi u teknika. Xi ħaġa li nammira ħafna fih hija d-dedikazzjoni kbira li għandu lejn dan l-isport. Hu persuna umli ħafna u jagħtina ħafna attenzjoni b’mod individwali biex dejjem ikollna fejn nikbru.  Jemmen ħafna fina.  Kull meta kelli bżonn nirranġa xi teknika, dejjem iggwidani u għeni nemmen li kapaċi għal iktar. Jien personalment, nirringrazzjah ħafna talli qed itellagħni tarġa wara l-oħra u dejjem itini fejn intejjeb lili nnifsi.  Qiegħed fil-livell li qiegħed bħal issa grazzi għalih.

Kif tqis il-livell tal-hockey f’pajjiżna fil-preżent, u kif rajtu jinbidel tul is-snin?

Il-livell tal-hockey fuq bażi ta’ klabbs f’pajjiżna qiegħed dejjem jitjieb. Għandna livell għoli ħafna u meta nqabblu lilna nfusna ma’ timijiet barranin li huma l-istess livell bħalna, ninnotaw kemm għandna talent. Qormi Hockey Club ilu għal dawn l-aħħar snin jeċċella fil-EuroHockey Challenge.  Irbaħna t-titlu fis-snin 2022 fit-Turkija u 2023 f’Ġibilta`u s-sena l-oħra wasalna sal-finali mingħajr telfa waħda. Dawn ir-riżultati juruna kemm għandna biex inkunu kburin u ma naqtgħux qalbna biex inkomplu ninvestu f’dan l-isport. Jagħmlulna kuraġġ ukoll biex fejn hemm sfidi, ikollna l-kuraġġ negħelbuhom.

U dak tar-riżorsi fejn titħarrġu u tilagħbu l-logħob kompetittiv tagħkom?

Aħna għandna vantaġġ bħala klabb għax għandna pitch tal-hockey tagħna stess ġewwa Ħal Qormi. Għandna l-apparat tagħna u nipprovdu taħriġ għall-plejers żgħar ukoll. Pero`, il-logħob kompetittiv isir fil-pitch ta’ Kordin.  Il-kundizzjoni ta’ dan il-pitch wara snin ta’ użu m’għadhiex tajba.  Suppost għandu jsir tibdil biex ikollna pitch nazzjonali tal-hockey kif ħaqqna.

Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek fil-hockey? Għad narawk kowċ ‘il quddiem?

Il-hockey nħobbu minn kull aspett. Bħala plejer għadni żgħir u determinat li nkompli nikber u niżviluppa f’dan l-isport. Nixtieq li l-hockey f’Malta jkompli jikber iktar ħalli jkollna iktar opportunitá għall-kompetizzjonijiet kemm lokali kif ukoll barra minn xtutna. 

Fejn jidħol coaching, fil-preżent ngħin fil-kowċing tal-Under 12. Huwa ta’ sodisjazzjon li naqsam maż-żgħar dak li naf u ngħinhom isiru jħobbu l-hockey. L-isport huwa għal qalbi ħafna u qed niffoka l-istudji tiegħi f’dan il-qasam. Hija ħolma tiegħi li ‘l quddiem minbarra plejer inkun ukoll kowċ f’dan l-isport.

Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jibda jilgħab dan l-isport.

Meta bdejt il-hockey 12-il sena ilu, lanqas il-hockey stick ma kont naf inżomm sew.  Wasalt s’hawn għax qatt ma ddejjaqt nagħmel l-ewwel pass. Sibt klabb li hu t-tieni familja tiegħi, klabb li jemmen fid-dixxiplina u jemmen fin-nies.  Il-hockey jgħinni kemm fiżikament u anke mentalment. Inħeġġeġ b’mod speċjali lit-tfal li jixtiequ sport li joffri sfida f’ambjent ta’ għaqda biex jidħlu f’kuntatt magħna, għax m’għandix dubju li maż-żmien se jiżviluppaw l-istess enerġija u passjoni lejn Il-hockey li żviluppajt jien.   

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport