Sunday, November 3, 2024

Nelson Piquet quddiem il-qorti wara abbuż razzjali fil-konfront ta’ Lewis Hamilton

Aqra wkoll

Nelson Piquet huwa rrappurtat li se jattendi seduta fil-qorti dwar l-abbuż razzista tiegħu fil-konfront tas-sewwieq tal-Mercedes, Lewis Hamilton.

Huwa mifhum li t-tliet darbiet champion tad-dinja jista’ potenzjalment jingħata multa ta’ £1.5 miljun wara li kien iffilmjat fuq podcast bl-użu ta’ kelma razzjali fil-konfront ta’ Hamilton – flimkien ma’ kliem omofobiku.

L-intervista ġiet irreġistrata f’Novembru li għadda iżda saret pubblika biss fuq it-televiżjoni Brażiljana lejn l-aħħar ta’ Ġunju.

Piquet kien qed jiddiskuti l-inċident bejn Hamilton u Max Verstappen fil-Grand Prix tal-Ingilterra tas-sena l-oħra, fejn iż-żewġ sewwieqa ħabtu ma’ xulxin waqt li kienu qed jiġġieldu għall-vantaġġ fid-dawra msejħa Copse u Verstappen ħabat mal-barrieri b’veloċità għolja.

Hamilton kien akkużat għall-inċident minn Piquet, li bintu Kelly, ilha toħroġ ma’ Verstappen għal numru ta’ snin, qabel ma uża lingwaġġ razzist. F’verżjoni estiża tal-filmat, Piquet jidher juża wkoll kliem omofobiċi fil-konfront ta’ Hamilton.

Minn dak iż-żmien Piquet skuża ruħu talli uża l-frażi dispreġjattiva Portugiża ‘neguinho’ u kkundanna kull suġġeriment li l-kelma ntużat ‘bil-għan li jbattu sewwieq minħabba l-kulur tal-ġilda tiegħu’.

Madankollu, jingħad li l-Imħallef ta’ Sao Paulo ordna investigazzjoni dwar il-kummenti tiegħu wara li grupp tad-drittijiet tal-bniedem ippreżenta akkużi kontra ċ-champion tal-1981, 1983 u 1987 talli kkawża ħsara morali lil persuni suwed u LGBTQ+.

L-akkużi jinkludu talba biex Piquet iħallas madwar £1.5 miljun f’danni u l-anzjan ta’ 69 sena se jkollu 15-il jum cans biex jiddikjara l-każ tiegħu quddiem l-imħallef Felipe Costa da Fonseca Gomes tal-qorti tad-Distrito Federal.

Sport