Il-midfielder ta’ Manchester United, Nemanja Matic, ħabbar li se jkun qed iħalli lill-club fi tmiem l-istaġun wara li jiskadielu l-kuntratt.
Is-Serb ingħaqad mar-Red Devils mingħand Chelsea għal madwar £36m fis-sajf tal-2017, u s’issa kompla biex għamel 183 dehra mal-club.
Waqt li ħabbar id-deċiżjoni fuq il-kont personali tiegħu ta’ Instagram, Matic qal: “Wara ħafna ħsieb, iddeċidejt li dan l-istaġun se jkun l-aħħar tiegħi ma’ Manchester United.”
“Infurmajt lill-bord, lill-manager u lill-players bid-deċiżjoni tiegħi. Kien unur kbir u privileġġ li nilgħab għal dan il-club kbir. Grazzi kbira lill-partitarji tal-appoġġ bla waqfien tagħhom.”
“Issa se nagħti kollox sal-aħħar tal-istaġun biex ngħin lil sħabi jispiċċaw bl-aktar mod qawwi possibbli.”
Il-player ta’ 33 sena għad irid jieħu deċiżjoni dwar l-esperjenza li jmiss tiegħu, filwaqt li l-aħħar logħba tiegħu mar-Red Devils tista’ tkun dik barra minn darhom kontra Crystal Palace fit-22 ta’ Mejju li ġej.