“Nemmen bi sħiħ li dak li ġara f’Ħal Għargħur mhux attakk fuq id-demokrazija, kif qed jipprova jallega l-Partit Nazzjonalista, imma trid tiġi rispettata r-rieda tal-maġġoranza tal-Kunsilliera ta’ dan il-lokal li aġixxejna għall-ġid assolut tar-residenti ta’ Ħal Għargħur, skont l-Att dwar l-Gvern Lokali”.
Hekk iddikjarat is-Sindku Laburista ta’ Ħal Għargħur Mariah Meli f’kummenti ma’ L-Orizzont wara l-bidla li kien hemm fit-tmexxija tal-Kunsill wara li għadda l-vot ta’ sfiduċja fis-Sindku preċedenti.
Meli spjegat li din il-mozzjoni kienet tressqet wara diversi talbiet biex tingħata informazzjoni dwar allegati nefqiet suspettużi u potenzjalment irregolari.
Hija rrimarkat li d-demokrazija sserraħ fuq il-maġġoranza u tinħtieġ li dik il-maġġoranza tinżamm. Qalet li f’dan il-każ, il-Partit Nazzjonalista tilef il-maġġoranza li kellu għax issa għandu biss żewġ kunsilliera jirrappreżentawh minn ħamsa f’dan il-Kunsill.
“Għaldaqstant, nisħaq li trid tiġi rispettata r-rieda tal-maġġoranza tal-kunsilliera, bħalma ġara f’Kunsilli oħrajn, u dan b’rispett ukoll lejn it-tħaddim tad-demokrazija,” qalet is-Sindku Meli.
Hija kompliet tgħid li kienet tistenna li l-PN, li jipproġetta ruħu tal-paladin tal-governanza tajba u s-saltna tad-dritt, jieħu passi biex jara li dawn il-prinċipji jiġu rispettati mill-Kunsilliera tiegħu.
“S’issa, il-PN qed juri biċ-ċar kemm huwa partit tad-double standards għax jgħid mod u jagħmel ieħor, tant li f’każi simili fil-passat qatt ma ħareġ jgħid li kien anti-demokratiku, meta appoġġja bidla fit-tmexxija minn Sindku Laburista għal Sindku Nazzjonalista,” qalet is-Sindku Meli.
“Nixtieq li l-Kunsill jaħdem għall-ġid tal-lokal u tar-residenti bil-fatti”
Hija żiedet tgħid li fil-ħidma tagħha bħala Sindku ġdida fil-lokalità tal-Għargħur se tkun qiegħda taħdem biex isiru proġetti u inizjattivi innovattivi u bżonnjużi għar-residenti u l-lokal innifsu kif jixraq.
“Mindu tfajt il-kandidatura tiegħi għall-elezzjoni tal-Kunsill Lokali tal-Għargħur, dejjem rajt li naġixxi skont il-bżonn u għall-ġid tal-lokal u r-residenti. Dan li propju qed nara li nkompli nagħmel minkejja l-isfidi u n-nuqqasijiet li hemm fil-preżent, kemm fuq livell amministrattiv u anke finanzjarju,” qalet Meli.
Sostniet li fil-ġimgħat li għaddew, kienu bosta r-residenti li hija tirrappreżenta li lmentaw minn allegat nuqqas ta’ trasparenza u nuqqas ta’ governanza tajba mill-Kunsill li sa ftit tal-jiem ilu kien immexxi mis-Sindku Nazzjonalista Helen Gauci.
“Flimkien mal-kunsilliera sħabi, nixtieq li l-Kunsill jaħdem għall-ġid tal-lokal u tar-residenti bil-fatti, bil-mira hija li nwettqu dak li wegħedna qabel l-elezzjoni, fl-istess waqt li naġixxu b’governanza tajba u bi trasparenza assoluta,” qalet Meli.
“Bir-rwol il-ġdid bħala Sindku dan ifisser li qed inġorr responsabbiltà, wara n-nuqqasijiet li writt bħala Sindku, li kont ili nirrimarkahom flimkien ma’ sħabi l-kunsilliera l-oħrajn. Iżda s-Sindku ta’ qabli ħallietna fl-għama u bla tweġiba għall-mistoqsijiet u t-talbiet li għamilna biex naraw li l-affarijiet qed isiru b’serjetà u bi professjonalità, kif aħna obbligati nagħmlu bil-liġi.”
Infatti, hija qalet li f’dawn il-jiem xi debituri diġà marru jħabbtu l-bieb tal-Kunsill biex jitħallsu kont pendenti li għandhom sa mill-2022. Lil hinn minn hekk, hija qalet li fir-rapport tal-awditur tal-2022 u tal-2023 kien hemm rimarkati nuqqasijiet kruċjali li fi kliemha “għadna ma nafux kif u jekk ġewx solvuti għaliex meta staqsejna ma kellniex risposta.”
“Minkejja talbiet ripetuti, aħna l-Kunsilliera Laburisti u Indipendenti dejjem tħallejna fil-għama tant li, sal-lum għandu ma ġiex finalizzat jew preżentat ir-rapport finanzjarju tal-2024, kif aħna obbligati li nagħmlu bil-liġi,” tenniet is-Sindku Meli.