Minn Cris Muscat
Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-waterpolo?
Ta’ etá żgħira ta’ tmien snin ommi kienet daħħlitni mal-klabb tal-għawm minn San Pawl il-Baħar, Sirens ASC. Wara erba’ snin nipprattika l-isport tal-għawm jien u żewġt iħbieb oħra tiegħi tħajjarna nibdew il-waterpolo u ngħaqadna mal-iskwadra ta’ taħt it-13-il sena ta’ Sirens u minn hemm bdiet il-karriera tiegħi f’dan l-isport.
Iddeskrivi l-esperjenza preżenti tiegħek ma’ Otters ASC sa issa.
Il-klabb tal-Otters huwa wieħed fejn jien qattajt il-maġġoranza tal-karriera fil- kampjonat tal-kbar tiegħi. Għandi rispett kbir lejn l-Otters għax dejjem sibthom hemm għalija kull fejn kelli bżonn. Matul l-erba’ snin li ilni nilgħab mal-Otters kellna ħafna tlajjiet u nżul, iżda sa fl-aħħar qed naħsdu l-frott ta’ dak li tant ħdimna għalih bħala klabb u nemmen bis-sħiħ li fil-futur il-klabb tal-Otters se jagħmel passi kbar ‘il quddiem f’dan l-isport jekk jibqa’ jimxi kif suppost.
X’tikkumenta fuq l-andament u l-wirjiet ta’ Otters ASC matul dan il-Kampjonat tas-Sajf?
Avolja ħafna nies forsi ma stennewx li l-Otters se jkunu qed jikkontestaw b’saħħa kbira għall-kampjonat jien u l-plejers kollha konna kunfidenti li se nkunu fost l-aqwa klabbs fl-Ewwel Diviżjoni speċjalment wara xitwa ta’ taħriġ iebes u serju li kellna fejn ukoll irnexxielna niksbu t-tieni post fil-Kampjonat tax-Xitwa avolja kellna ċerti plejers neqsin. Kif taf għadna kemm avvanzajna għall-finali tal- kampjonat u nemmen li kapaċi nkunu l-favoriti għar-rebħ tat-titlu u b’hekk inġibu l-ewwel unur lejn Għawdex wara stennija tant twila!
Kif tqis il-livell tal-waterpolo Malti fil-preżent?
Il-livell tal-waterpolo Malti ilu għal dawn l-aħħar għaxar snin meqjus bħala sport ta’ livell għoli anke meta tikkumparah ma’ pajjiżi ferm ikbar minna li ovvjament ikollhom iktar riżorsi biex jaħdmu. Iżda nemmen ukoll li issa wasal iż-żmien li l- waterpolo Malti jagħmel il-pass li jmiss fejn saħansitra nibdew nikkompetu għall- pożizzjonijiet aħjar fost l-aqwa timijiet fl-Ewropa u mhux nikkuntentaw biss bil-fatt li nikkwalifikaw fil-kompetizzjonijiet.
Ovvjament, dan ngħidu mingħajr ma nneħħi l-ebda mertu tal-importanza li t-tim nazzjonali Malti tal-waterpolo dejjem qed jirnexxielu jikkwalifika għall-Kampjonati Ewropej.
U dak tar-riżorsi (pixxina) fejn tilagħbu l-logħob kompetittiv tagħkom?
Il-Pixxina li nilagħbu fiha hija waħda ta’ livell għoli. Nemmen li għad hemm fejn jiġi mtejjeb speċjalment ċerti ħinjiet tal-logħob matul is-sajf li fl-opinjoni tiegħi isiru f’ħin li x-xemx tas-sajf ikollha impatt negattiv kbir fuqna l-plejers waqt il-logħob. Min-naħa l-oħra nixtieq ukoll insemmi l-investiment li sar min-naħa tal-ASA fejn qed ikessħu l-ilma tal-Pixxina matul il-logħob tas-sajf li ovvjament itejjeb ħafna l- esperjenza tagħna l-plejers waqt il-logħob tas-sajf.
Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek fil-waterpolo?
Onestament, miniex persuna li noqgħod nagħrbel u naħseb ħafna fuq il-futur tiegħi f’dan l-isport, iżda ovvjament nispera li jibqa’ jkolli dan l-entużjażmu li dejjem għenni nibqa’ nikkommetti ruħi lejn il-waterpolo.
Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jagħmel karriera ta’ suċċess fil-waterpolo.
Nemmen li fil-waterpolo wieħed irrid ikollu saħħa mentali kbira biex tkun tista’ tikkometti ruħek u titħarreġ kif suppost. Wieħed ovvjament għandu jkun lest li jagħmel sagrifiċċju kbir biex jirnexxi fuq l-ogħla livell ta’ dan il-pajjiż u saħansitra wkoll jittanta xortih barra minn Malta.