Fl-intervista tiegħu, il-Prim Ministru tkellem ukoll dwar l-immigrazzjoni. Huwa qal kif is-soċjetà tagħna nbidlet fuq medda ta’ snin fejn parti minnha għandna l-immigrazzjoni irregolari, li din tibqa’ pressjoni għal pajjiżna minħabba l-pożizzjoni ġeografika tagħna. Imbagħad hemm ukoll il-fatt li numru sostanzjali ta’ persuni iddeċidew li jiġu f’pajjiżna biex jaħdmu. Ħafna minn dawn il-persuni jaħdmu fis-settur tas-saħħa u oħrajn jagħtu l-kontribut f’oqsma oħra.
“Li Gvern ikollu biżżejjed finanzi biex itejjeb il-kwalità tal-ħajja, hi l-mira li għandu jkollu kull Gvern”, saħaq Abela.
Huwa qal li s-soċjetà tagħna nbidlet matul iż-żmien u li l-immigrazzjoni irregolari tibqa’ pressjoni kostanti fuq pajjiżna minħabba l-pożizzjoni ġeografika tagħna. Imbagħad għandek realtà oħra li numru sostanzjali ta’ persuni li ġew f’pajjiżna biex jaħdmu.
Fid-dawl ta’ dawn ir-realtajiet kollha, il-Prim Ministru qal li jrid ikun assigurat li l-entitajiet kollha, inkluż il-forzi tal-ordni, il-LESA u Transport Malta, ikollhom ir-riżorsi kollha meħtieġa.
Huwa qal iżda li ma rridux nagħmlu l-iżball li din il-kwistjoni ssir ta’ aħna kontra huma. “Biss biss, meta kelli l-laqgħa mas-Sindki tal-Marsa u l-Ħamrun, filgħaxija s-Sindku tal-Marsa Josef Azzopardi bagħatli filmat ta’ ġlieda li l-parteċipanti kienu kollha Maltin.”
“Filwaqt li jkollok episodji xejn pjaċevoli bħal dik li rajna fil-Ħamrun fejn kellek ġlieda bejn persuni barranin, ikollok inċidenti fil-lokalitajiet li jkunu jinvolvu persuni Maltin. Għalhekk huwa importanti ż-żamma tal-buon ordni,” tenna Dr Abela.
Huuwa qal kif bliet u rħula għandhom realtajiet partikolari tagħhom fosthom il-lokalità ta’ San Ġiljan fejn ilbieraħ stess kellu laqgħa mal-Kunsill tal-istess lokalità.
Il-Prim Ministru saħaq li hemm bżonn li l-Forzi tal-Ordni jżidu l-preżenza tagħhom f’ċertu ħinijiet biex jiżguraw li l-inċidenti f’dawk is-sigħat partikolari jonqsu.
Huwa semma l-Oppożiżżjoni, li s-soluzzjoni tagħha hija d-deportazzjoni fejn kellek realtà li kellek żewġ esponenti tal-Oppożizzjoni jitkellmu mod fuq dan l-episodju imbagħad il-Kap tal-Oppożizzjoni fjn ħareġ u kkoreġa l-iżball tagħhom.
Huwa saħaq fuq il-konsistenza fejn qal li minn Jannar tal-2020, il-Gvern ħa pożizzjoni konsistenti u għaraf li s-soluzzjoni ewlenija mhux li titkellem dwar deportazzjoni biss iżda t-trażżin tal-wasliet.
Abela qal ukoll kif fl-eqqel tal-pandemija, il-Gvern mar il-Libja għal darba darbtejn u tkellem b’saħħa mal-Kummissjoni Ewropea fuq dan is-suġġett. Qal ukoll kif bħala Gvern, kellu jattakka lit-traffikanti tal-bnedmin u mhux lill-vittmi ta’ din ir-realtà.
“L-immigranti nfushom li jissugraw ħajjithom fi vjaġġ biex jaqsmu bejn il-Libja u Malta. Għandek komunitajiet li jistgħu jkunu vittmi ta’ realtajiet li ġġib magħha l-immigrazzjoni irregolari”, kompla jgħid Abela.
Huwa qal li l-Gvern ħadem biex numru ta’ immigranti irregolari ntbagħtu lura għax ma kienx jistħoqqilhom li jibqgħu f’pajjiżna.
“Nemmen biż-żieda fil-preżenza tal-Forzi tal-Ordni fit-toroq. Biex naslu għal din is-soluzzjoni jrid ikun hemm sforz ta’ sinerġija bejn il-Kusilli Lokali, entitajiet differenti u l-komunità nfisha”, qal il-Prim Ministru.
Fl-aħħar huwa semma wkoll r-riġenerazzjoni taż-żoni, fosthom tal-Port il-Kbir li wasal il-mument li l-pjan jibda’ jittrasforma ruħu f’azzjoni konkreta.
“Hija ħidma li tirrikjedi ċertu koċentrazzjoni u viżjoni ta’ fejn sejjer għax qed titkellem dwar suġġett sensittiv li għandu partikolaritajiet tiegħu. Għalhekk żgur ma jgħinx li toħloq dikjarazzjonijiet populisti u dan is-sentiment tal-aħna u huma” Temm il-Prim Ministru.