Thursday, May 29, 2025

Nemmen li aħna bħala Gzira United Veterans konna l-aqwa tim f’dan l-istaġun u kien b’mod meritat li rbaħna l-kampjonat – Ian Zammit

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-futbol?

Minn meta kont tifel żgħir, il-ġenituri tiegħi minn dejjem kienu jgħiduli li kull flixkun jew xi ħaġa mal-art dejjem kont nixxuttjaha u nużaha flok ballun, u għalhekk naħseb li l-futbol minn dejjem kien xi ħaġa li kont inħobb. Ta’ seba’ snien kont bdejt nitrenja mal nursery tal belt u min hemm bdiet l imhabba lejn il football.

Iddeskrivi l-espeerjenza passata tiegħek fil-Malta Premier ma’ Valletta FC fejn irbaħt kull unur li għandu x’joffri l-futbol Malti.

Hija esperjenza li naħseb tibqa’ dejjem ġo qalbi fejn irbaħt kull unur ma’ Valletta FC.  Naħseb li l-klabb ta’ Valletta huwa magħruf bħalma jaf kulħadd għas-sapport li għandu u għaċ-ċelebrazjonijiet li magħrufin jagħmlu l-partitarji numerużi tiegħu. Apparti hekk, jien tifel Belti u tkun iktar esperjenza sabiħa meta tkun tirbaħ l-unuri ma’ pajjiżek stess!

U dik preżenti fil-Malta Veterans kemm ma’ Gzira United kif ukoll mat-tim nazzjonali Malti.

Il-Kampjonat tal-Veterans huwa wieħed interesanti ħafna fejn ħafna eks plejers qed jinżlu jilagħbu f’dan il-kampjonat. Apparti hekk, jgħinek biex tibqa’ attiv u fl-istess ħin tibqa’ tiltaqa’ naqra ma’ ħafna minn sħabek li tkun lgħabt magħhom jew kontrihom fil- Premier, u għalhekk nixtieq ngħid proset lil kull min hu involut biex ħareġ b’din l-idea ta’ dan il-kampjonat, għax hu bis-saħħa tagħhom li qed jagħtu ċ-ċans lill-plejers li qed jieqfu mill-karriera tagħhom, biex inkomplu nżmomu ruħna attivi.

X’taħseb li kien is-sigriet tas-suċċess wara r-rebħ tal-kampjonat?

Naħseb li s-sigriet kien li bqajna magħqudin u grazzi għall-kowċ u kull min kellu miegħu żammejna magħqudin għax kif għidtlek il-kampjonat tal-Veterani huwa wieħed twil u t-timijiet huma kollha tajbin, imma nemmen li aħna bħala Gzira United Veterans konna l-aqwa tim ta’ dan l-istaġun u kien b’mod meritat li rbaħna l-kampjonat.

Kif tqis il-livell ta’ dan il-kampjonat?

Kif għidtlek, ħafna mill-plejers kemm tal-Premier u anke tat-tim nazzjonali qed jinżlu kollha f’dan il-kampjonat, u għalhekk il-livell mhuwiex baxx. Anzi, tant hu livell għoli li b’telfa waħda biss li ħadna matul l-istaġun kollu, kellna nibqgħu nistennew sal-aħħar logħba biex ġejna dikjarati champions ta’ dan l-istaġun.

U dak tal-futbol Malti inġenerali u kif rajtu jinbidel tul is-snin?

Naħseb li kemm ilna li żiedna l-plejers barranin fil-kampjonat Malti, il-livell għola ħafna għalkemm naħseb li fl-istess ħin, naqas ħafna ċ-ċans li naraw iktar plejers żgħar Maltin jiġihom iċ-ċans tagħhom, imma din qed tiġri fil-kampjonati kollha li qed ikunu miftuħa għall-barranin. Apparti hekk, il-format ta’ din is-sena għalkemm mhux kulħadd fehmu mill-ewwel żamm il-kampjonat Malti interessanti u kompetittiv sal-aħħar ġurnata.

U dak tar-riżorsi (grawnds) fejn titħarrġu u tilagħbu l-logħob kompetittiv tagħkom?

Grawnds hemm tnejn fejn nilagħbu. Bħalissa qed nilagħbu fil-grawnd tal-iskola St Dorothy’s Ħaż-Żebbug fejn hija art tajba ħafna, u l-grawnd il-ġdid ta’ Birkirkara li wkoll huwa ġdid, u b’hekk bħala turf huwa tajjeb ħafna.

Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jagħmel karriera ta’ suċċess fil-futbol.

Biex ma jaqtgħu qalbhom qatt għax jekk vera l-ħaġa li tixtieq tagħmel tkun ġo qalbek u tkun vera tixtieqha, bis-saħħa tat-taħriġ u d-dedikazzjoni, nemmen li xi darba ċ-ċans jasal żgur. Kif jgħidu bl-Ingliż, Train hard, work hard, u s-suċċessi jaslu dejjem!                                                                                             

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport