Minn Cris Muscat
Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-futbol?
L-imħabba tiegħi lejn il-futbol bdiet meta kont għadni żgħir ħafna. Kont inkun għand in-nanna u konna niftiehmu erbat iħbieb biex noħorġu nilagħbu fit-triq fejn konna nqattgħu ġranet sħaħ niġru bil-ballun.
Iddeskrivi l-esperjenza preżenti tiegħek ma’ Qala Saints FC.
L-esperjenza tiegħi mal-Qala s’issa hija esperjenza sabiħa ħafna, fejn fl-ewwel staġun irbaħna s-Super Cup kif ukoll l-ewwel kampjonat fl-istorja tal-Qala Saints FC.
X’tikkummenta proprju fuq ir-rebħ tal-kampjonat matul l-istaġun li għadda?
L-istaġun li għadda nibqa’ niftakru għal ħajti kollha mhux biss għax kien l-ewwel rebħ ta’ kampjonat fil-karriera tiegħi iżda kien ukoll l-ewwel rebħ ta’ kampjonat fl- istorja ta’ Qala Saints FC.Tragward li vera kburin bih kemm aħna l-plejers kif ukoll il-partitarji tal-Qala.
Kif qed tħarsu lejn l-istaġun li ġej?
Nemmen li bl-akkwisti l-ġodda kemm plejers lokali kif ukoll barranin se nagħtu logħba lil kulħadd u nerġgħu nkunu hemm biex nisfidaw għar-rebħ tal-kampjonat. Peró, inżommu saqajna mal-art, naħdmu kemm nifilħu u nimxu logħba b’logħba u b’hekk inkunu kapaċi nilħqu l-objettiv tagħna.
Bdejtu l-istaġun bil-kbir bir-rebħ tas-Super Cup. X’tikkummenta?
Kienet logħba missielta tul il-120 minuta peró nemmen li l-aħjar tim finalment rebaħ. Rebha li tagħtina aktar kunfidenza għal-logħob li ġejjin.
X’tikkummenta fuq il-kowċ, Gotthard Conti?
Il-kowċ Gotthard Conti huwa kowċ ta’ esperjenza b’ideat ġodda ta’ futbol offensiv u attraenti. Nemmen li ħa nitgħallmu ħafna taħt il-gwida tiegħu.
Iddeskrivi l-esperjenza passata tiegħek ma’ Kerċem Ajax FC, u kemm tgħallimt minnha.
L-esperjenza tiegħi ma’ Kerċem Ajax FC kienet waħda pożittiva ħafna fejn qattajt żewġ staġuni magħhom. Kienet esperjenza li tgħallimt ħafna minnha, kif ukoll tawni ċ-ċans li nkun plejer regolari u b’hekk inkompli nżid l-esperjenza tiegħi fil futbol Għawdxi.
Kif tqis il-livell tal-futbol Għawdxi fil-preżent?
Għalkemm għad għandi 22 sena, ilni seba’ snin nilgħab mat-tim tal-kbar u nemmen li l-livell tal-futbol Għawdxi qed imur għall-aħjar kull staġun.
U dak tar-riżorsi (grawnds) fejn titħarrġu u tilagħbu l-logħob kompetittiv tagħkom?
Ghalkemm qegħdin ngħixu fi gżira żgħira, għandna faċilitajiet tajbin ħafna fejn għandna x-xorti li nilagħbu l-logħob kompetittiv tagħna fuq il-ħaxix naturali kull ġimgħa.
Kif qed tħares lejn il-futur tieghek fil-futbol?
Inkompli nistinka u naqdef biex ikolli karriera twila fejn inkun kapaċi nirbaħ aktar unuri.
Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jagħmel karriera ta’ suċċess fil-futbol.
Il-messaġġ tiegħi huwa li biex tagħmel karriera ta’ suċċess, trid taħdem kemm tiflaħ u tkun dedikat lejn il-logħba tal-futbol. Jekk tagħmel dawn iż-żewġ affarijiet, ċert li tkun ta’ suċċess!