Monday, January 12, 2026

‘Nemmen li biex naslu irridu nibdew minn etá żgħira biex it-tfal Maltin imorru jitħarrġu u jilagħbu barra l-pajjiż’ – Wayne Buttigieg

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-futbol?

Il-futbol minn dejjem kien sport għal qalbi ħafna. Ta’ sitt snin bdejt nitħarreġ man- Nursery tal-Mellieħa fejn hemmhekk domt sakemm għalaqt 10 snin għax imbagħad mort man-Nursery tal-Hibernians fejn lgħabt magħhom tul il-Kampjonati tal-Youths kollha. Peró, niftakar li dejjem wara t-taħriġ kont nibqa’ ġol-grawnd nilgħab bil-ballun dak iż-żmien fuq it-trab, ma’ sħabi flok immur lura d-dar. Id-dar dejjem nilgħab bil- ballun fil-garage u fil-vaganzi tal-iskola dejjem il-bandli nilagħbu l-futbol.

Apparti hekk fil-weekends imbagħad kont immur ma’ missieri il-klabb tal Juventus biex naraw it-tim favorit tagħna jilgħab għax ovvjament dak iż-żmien ma kellniex il-kumditá li għandna llum li nistgħu naraw il-logħob kollu mid-dar. Il-Ħadd filgħaxija kont inkun qed nistenna bil-ħerqa l-programm Novantesimo Minuto biex inkun nista’ nara l-gowls ta’ dik il-ġurnata.

Bħala karriera fil-futbal domt nilgħab sa meta kelli 25 sena u lgħabt ma’ diversi timijiet differenti bħal Mellieħa, Mġarr, u Msida fejn irnexxieli nirbaħ żewġ promozzjonijiet ukoll peró sfortunatament kelli l-injuries u kelli nieqaf. Illum il-ġurnata l-imħabba li kelli jien lejn il-futbol għaddejtha lit-tfal tiegħi.

Iddeskrivi l-esperjenza preżenti tiegħek bħala kowċ tat-timijiet ta’ taħt it-13 u 14-il sena ta’ Mġarr United FC.?

Dan huwa l-ewwel staġun tiegħi fin-Nursery tal-Mgarr bħala kowċ ta’ taħt it-13 u l-14-il sena. Qabel kollox nixtieq nirringrazzja lill-Headcoach Patrick Curmi tal-fiduċja li wera fija u tax-xogħol siewi li qed jagħmel fi ħdan in-Nursery tal-Mġarr.

Tul dawn il-ħames xhur ħdimna bla waqfien flimkien u ninsab kuntent ħafna bil- progress ta’ wħud mill-plejers li hemm fl-iskwadra. Fl-iskwadra ta’ taħt it-13-il sena nemmen li hemm ħafna players promettenti allura qed inħarsu b’ottimiżmu kbir lejn il-ġejjieni ta’ din l-iskwadra. L-għan tagħna jibqa’ li inkomplu ninvestu f’dawn it-tfal u nagħtuhom l-aħjar taħriġ possibli. F’April li ġej se nkunu qed nipparteċipaw f’ tournament l-Italja ġewwa Rovereto u se tkun esperjenza oħra sabiħa li qed inħares lejha b’ottimiżmu kbir.

L-iskwadra ta’ taħt l-14-il sena hija ftit waħda iżghar bħala ammont ta’ tfal. Ħafna minn dawn it-tfal li qed jingħataw ċans jilagħbu fil-Kampjonat ta’ taħt il-15-il sena allura minħabba regoli li hemm li plejer ma jistax jilgħab aktar minn 90 minuta tul weekend kollu, dawn it-tfal mhux qed ikollhom ċans biżżejjed biex jilagħbu mal-iskwadra ta’ taħt l-14-il sena.

Ta’ min isemmi li din is-sena f’dawn il-kategoriji tneħħew Sezzjonijiet C u D allura timijiet żgħar bħalna qed nilagħbu kontra timijiet ferm aktar ikkwotati minnha. Ta’ min ifaħħar lil dawn it-tfal li kull logħba qed jagħtu dak kollu li jafu u qed iħarsu lejn dawn il-logħob bħala sfida. F’din il-kategorijain- Nursery tagħna mhux qed inħarsu lejn riżultati peró l-importanti li qed nagħtu ċans u l-opportunitá lit-tfal tagħna jipparteċipaw f dan il-kampjonat. Nemmen li kull plejer għandu jingħata ‘playing time’ biżżejjed biex juri l-kapaċitajiet tiegħu u jikber individwalment ukoll.

X’tikkummenta fuq l-andament tat-tim tiegħek matul dan l-istaġun sa issa?

Sa issa, inħossni kuntent ħafna bil-wirjiet li taw f’kull logħba. Għalkemm f’dawn l-etajiet ir-riżultati ma jfissru xejn huwa dejjem sabiħ li tara t-tim tiegħek jirbaħ u t-tfal bid-daħka fuq wiċċhom wara l-logħob! Fl-aħħar mill-aħħar dawn it-tfal qed jittrenjaw matul il-ġimgħa biex ikunu ppreparati għal meta tasal il-logħba. Huwa ta’ sodisfazzjon kbir li tara t-tfal jiġu għat-taħriġ ferħanin u dejjem lesti li jitgħallmu. Ovvjament dawn l-affarijiet ikomplu jimlewni bil-kuraġġ biex flimkien mal-assistant coaches l-oħra nkomplu naħdmu għall-ġid tat-tfal. Fl-aħħar mill-aħħar aħna l-kowċis għandna nkunu role models għal dawn it-tfal li għada pitgħada se jkunu qed imexxu s-soċjetá tagħna.

Iddeskrivi l-esperjenza passata tiegħek bħala kowċ fi ħdan in-Nursery ta’ Lija/Iklin u kemm tgħallimt minnha.

Ovvjament iħossni grat lejn il-president tan-Nursery ta’ dak iż-żmien is-Sur Malcolm Fenech li kien wera x-xewqa li nibda l-kowċing f’din in-Nursery għax kont nieħu t-tfal tiegħi Elias u Andrea jitħarrġu hemmhekk. Nista’ ngħid li bħalma kullhadd jaf jien dejjem ippruvajt nagħti l-massimu tiegħi u dejjem ħdimna għall-ġid tat-tfal. F’dawk l-erba’ snin in-Nursery kibret ukoll bħala numru fejn ix-xogħol siewi li kien qed isir f’din in-Nursery kien qed  jinħass. Grazzi wkoll tmur lejn il-Kowċ Clint Tabone li dejjem wera s-sapport tiegħu lejja u kelli ċ-ċans inkun assistant coach miegħu fit-tim tal- Minors.

Kelli ċ-ċans ukoll li nieħdu sehem darbtejn fit-tournament ‘Travel Sport San Jaime’ ġewwa Barcelona fi Spanja. Fit-tieni sena irnexxilna nirbħu l-ewwel logħba barra l-pajjiż għan-Nursery ta’ Lija/Iklin.

Nibqa’ dejjem grat għas-sapport li tawni fi żminijiet diffiċli li għaddejt minnhom. Grazzi Lija/Iklin Nursery!

Kif tqis il-livell tal-futbol lokali speċjalment dak tal-youths fil-preżent?

Sfortunatament inħoss li l-livell fil-Youths naqas xi ftit. Niftakru ftit tal-ġimgħat ilu ir-riżultati li kien hemm fil-kompetizzjoni tan-Knock-Out u r-riżultati li qed jkun hemm fil- kampjonati tal-youths. Naħseb li dawk l-affarijiet jidher biċ-ċar li hemm qabża kbira mis-Sezzjoni A u B għal dawk C u D.

Fl-opinjoni tiegħi f’dawn l-etajiet hħfna tfal qed jieqfu mill-futbol minħabba raġunijiet varji. Nemmen li forsi mhux it-tfal kollha lesti li jkunu dedikati u mhux dejjem lesti jagħmlu s-sagrifiċċji li jġorr miegħu l-futbol. Ħafna tfal kif ma jsibux posthom ġo klabb flok isibu alternattiva aħjar ma’ skwadra oħra jaqtgħu qalbhom u jieqfu jilagħbu u hawn qed nispiċċaw nitilfu xi tfal b ‘alent kbir. Problema oħra hi li xi klabbs ipoġġu pressjoni kbira fuq plejers żgħar biex jiffirmaw kuntratti jew jilagħbu b’ċertu mod, li jista’ jneħħi l-gost li joffri l-futbol. Ħafna drabi sfortunatament qed nispiċċaw nagħmlu enfażi fuq ir-rebħ minflok fuq l-iżvilupp u l-gost tal-logħba.

U dak tar-riżorsi fejn titħarrġu u jkollkom il-kompetizzjonijiet uffiċjali tagħkom?

It-tfal kollha li jitħarrġu fin-Nursery tal-Mgarr għandhom iħossuhom kburin għax nemmen li huwa wieħed mill-aqwa  pitches li hawn fil-pajjiż kemm bħala art artifiċjali kif ukoll bħala dressing rooms.

Sfortunatament għandna grawnds li huma tal-mistħija fosthom l-istat tad-dressing rooms u t-toilets. Ikun aħjar tagħmel lecture fil-grawnd milli tibqa’ fil-kmamar! Naħseb li jekk irridu nkomplu ntejbu l-livell tal-youths dawn l-affarijiet għandna nieħdu ħsiebhom.

Kemm hu importanti s-settur tal-grassroots fil-futbol?

Ħafna! Jien nemmen li biex naslu irridu nibdew minn din l-etá biex it-tfal Maltin imorru jitħarrġu u jilagħbu barra l-pajjiż. Jekk mhux ħa jsir hekk fi żmien qasir it-tim nazzjonali malti se jispiċċa kollu plejers barranin għax il-livell f’pajjiżna huwa dak li hu. Niftakar lil Andre Schembri li ta’ etá żgħira kien dejjem jemmen u jaspira li jmur jilgħab barra l-pajjiż u llum nistgħu ngħidu li għamel suċċess kemm bħala plajer u issa bħala kowċ.

Ovvjament barra l-pajjiż, il-mentalitá u l-faċilitajiet huma differenti. Jien nemmen li tfal Maltin tajbin hawn u jekk ikollhom ċans li jmorru jilagħbu barra minn xtutna jagħmluha ma’ timijiet barranin peró jridu jkunu lesti li  jgħixu dik il-ħajja ta’ sagrifiċċju li ‘l quddiem jieħdu frott tagħha. Nibża’ li peró forsi mentalment għadna mhux preparati għal dan il-pass.

Kif tqis il-mentalitá tal-isport f’pajjiżna fil-preżent?

Għalkemm nemmen li f’pajjiżna sar ħafna investiment fil-qasam infrastrutturali f’diversi sports u żgur se jgħin biex il-mentalitá sportiva tkun aktar b’saħħitha naħseb li wasal iż-żmien li nagħmlu qabża fil-kwalitá lejn dik semi-professjonali fejn l-atleti jew timijiet jibdew jitħarrġu b’mod aktar serju, u jkunu jistgħu jippreparaw aħjar għal tournaments aktar kompetittivi.

Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek fil-futbol?

Jien nemmen li fil-qasam tal-kowċing trid tibqa’ għaddej bit-taħriġ biex tibqa’ titgħallem. Il-logħba tal-futbol inbidlet ħafna allura trid iżżom ruħek dejjem aġġornat biex titgħallem u timxi ‘l quddiem. Nemmen li biex tagħmel suċċess fil-karriera tal-kowċing trid titla’ tarġa tarġa ħalli tkun esperjenzajt l-etajiet kollha peró ovvjament nixtieq li fiż-żmien li ġej inkun nista’ nibda t-taħriġ tal-Liċenzja UEFA B biex inkun nista’ nibqa’ għaddej nikkowċja f’etajiet aktar kbar.

Nittama wkoll li fil-futur nikseb aktar esperjenza fil-kowċing tal-youths biex ikolli l-opportunitá li xi darba nkun fi rwol ta’ Headcoach ukoll.

Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jagħmel karriera ta’ suċċess fil-futbol.

Il-ħajja hija kollha ostakli u intoppi peró jekk ikollok rieda tajba tkun tista’ tegħleb kull sfida. Il-futbol huwa sport sabiħ li jżommok ‘il bogħod minn kull vizzju. Nawgura lil kull min jixtieq jagħmel karriera fil-futbol  biex dejjem jieħu pariri siewja minn kowċis ta’ esperjenza, jittrenja bis-serjetá u b’dedikazzjoni. Bħal kollox fil-hajja jekk temmen fik innifsek tirnexxi u għalkemm it-triq tista’ tidher waħda diffiċli xejn mhu impossibli!

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport