Thursday, August 14, 2025

‘Nemmen li bix-xogħol li qed nagħmlu u bl-għaqda tal-plejers flimkien mal-coaching staff nistgħu nilħqu l-objettivi tagħna’ – Roderick Agius

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-futbol?

Jiena minn etá żgħira kont inħobb l-isport. Bdejt nilgħab il-waterpolo u l-futbol l-iskola. Ta’ 16-il sena ntgħażilt biex nilgħab mat-tim tal-minors u mat-tim tal-kbar ta’ Dingli Swallows FC, u minn hemm bqajt miexi ‘l quddiem.

Iddeskrivi r-rwol tiegħek bħala kowċ tal-goalkeepers ta’ Tarxien Rainbows FC.

Din hija t-tielet sena tiegħi bħala kowċ tal-goalkeepers ma’ Tarxien Rainbows FC. Jiena għandi r-responsabbiltá tal-goalkeepers tat-tim. Bi djalogu mal-Headcoach Jacaques Scerri, u l-istaff tekniku kollu nippjanaw il-ġimgħa tat-taħriġ, u jiena nkun nista’ nippjana t-taħriġ speċifiku tal-goalkeepers fuq is-sistema u l-pjan tat-tim għal dik il-ġimgħa partikolari. Wara kull logħba, nagħmel analiżi tal-goalkeepers u nippjana t-taħriġ fuq dak li jkun irid itejjeb.

Kemm taħdem mill-qrib mal-kowċ, Jacques Scerri?

Mal-kowċ Jacques Scerri, jiena għandi komunikazzjoni diretta u frekwenti ħafna, iktar minn darba kuljum. Niddiskutu t-taħriġ, l-objettivi tal-ġimgħa, affarijiet fejn il-goalkeepers tagħna iridu jkunu aħjar biex jgħinu lit-team, u niddiskutu anke dettalji fuq id-difiża fejn tolqot il-goalkeepers.

X’tikkummenta fuq l-andament tat-tim matul l-istaġun li għadda, fejn ksibtu l-promozzjoni għall-Malta Premier?

Kien staġun sabiħ ħafna, fejn l-għaqda tat-tim wasslitna għas-suċċess tal-promozzjoni.

Kif qed tħarsu lejn l-istaġun li ġej?

Ħa jkun żgur staġun ta’ sfida peró nemmen li bix-xogħol li qed nagħmlu u bl-għaqda tal-plejers flimkien mal-coaching staff nistgħu nilħqu l-objettivi tagħna.

X’tikkummenta fuq il-livell tal-futbol Malti fil-prezent, u kif rajtu jinbidel tul is snin?

Il-livell għola, speċjalment bl-introduzzjoni ta’ iktar plejers barranin. Ix-xogħol għall-coaching staff żdiet ħafna … m’għadux kif kien fl-antik u qed jersaq iktar minn amateur għal professjonali li jeħodlok sebat ijiem fil-ġimgħa.

U dak tar-riżorsi (grawnds) fejn titħarrġu u tilagħbu l-logħob kompetittiv tagħkom?

Ir-riżorsi bħala grawnds marru ‘l quddiem ħafna. Fi żmieni konna nilagħbu u nittrenjaw fuq grawnds iebsin tal-ġebel, filwaqt li llum nilagħbu jew fuq il-ħaxix, jew grawnds artifiċjali ta’ livell għoli.

Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek fil-futbol?

Nimxi sena b’sena, u nara l-futur x’għandu x’joffri.

 Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jagħmel karriera ta’ suċċess fil-futbol.

If-futbol huwa karriera sabiħa ħafna, peró tirrikjedi ħafna impenn u dixxiplina. Trid tkun lest li f’ħajtek, il-futbol ikun il-fokus ewlieni tiegħek u titlef minn affarijiet li jista’ jagħmel ħaddiehor li ma jkunx involut fil-futbol.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport