Minn Cristian Muscat
Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-basketball?
L-imħabba tiegħi lejn il-basketball bdiet meta kelli biss erba’ snin. Dak iż-żmien, kont nagħmel kulma kien jagħmel ħija l-kbir, Alec. Dan kien jinkludi diversi attivitajiet sportivi bħall-basketball, futbol u anke l-waterpolo. Meta kont żgħir, kont aktar interessat fil-futbol, peró meta kbirt, il-passjoni tiegħi lejn il-basketball kibret ukoll u meta kelli 15-il sena għażilt biex niffoka fuq il-basketball.
Iddeskrivi l-esperjenza prezenti tieghek mat-tim tiegħek, Starlites JSD.
Ilni nimmilita mal-klabb ta’ Starlites JSD minn meta bdejt nilgħab il-basketball, u fortunatament il-grupp ta’ plejers li bdejt magħhom komplew jilagħbu u sirna kważi familja. Ħafna minna wasalna fil-livell tas-‘seniors’ t’età relattivament żgħira. Minħabba f’hekk, nafu kif nilagħbu flimkien, u s’issa kienet esperjenza inkredibbli. L-ewwel esperjenza tiegħi mat-tim tal-kbar kienet fl-istaġun 2017/18 meta kelli 16/17-il sena. Ovvjament, f’età daqshekk żgħira ma jkollokx ċerta esperjenza peró meta ssegwi l-plejers ta’ aktar esperjenza, tikber u titgħallem. Grazzi għalihom wasalt fejn ninsab illum il-ġurnata!
X’tikkummenta fuq l-andament tat-tim matul l-istaġun li għadda?
L-istagun li għadda kien wieħed differenti u itwal minn dak tas-soltu. Minħabba l-logħob tal-FIBA Europe Cup Qualifiers, bdejna nittrenjaw minn nofs Lulju, biex inkunu fl-aħjar tagħna fiżikament meta naslu għal-logħob fl-aħħar ta Settembru. Dik il-ġimgħa kellna tliet logħbiet wara xulxin, u komplejna bla waqfien sal-aħħar tal-istaġun tagħna f’April.
X’tikkummenta fuq il-livell tal-basketball f’pajjiżna fil-preżent?
Il-livell tal-basketball f’Malta qed jitjieb bilmod il-mod, u dan qed jidher ċar mit-talent ġdid fiż-żgħażagħ li qed jikkontribwixxu aktar fl-isport. Qed naraw żieda ta’ plejers żgħażagħ jilagħbu b’ħeġġa u determinzzjoni kbira li qed jgħolli l-livell tal-basketball f’pajjiżna. Jekk dawn iż-żgħażagħ jingħataw opportunitajiet barra minn xtutna, dawn se jagħmlu unur lil pajjiżna.
U dak tar-riżorsi fejn il-plejers tagħna jitħarrġu u jkollhom il-kompetizzjonijiet uffiċjali tagħhom?
Il-Malta Basketball Association (MBA) għamlet xogħol estensiv fil-faċilitajiet tal-basketball f’Ta’ Qali. Dawn ix-xogħolijiet taw dehra professjonali lill-Padiljun. Faċilitajiet moderni mhux biss jgħinu biex itejbu l-livell tal-logħba, iżda wkoll jinkoraġġixxu iżjed żgħażagħ u familji biex jersqu lejn dan l-isport.
Madankollu, bħal f’kul sport ieħor għad hemm xi ostakli li rridu negħlbu biex inkomplu ntejbu dan l-isport, iżda l-futur jidher wieħed pożittiv.
Kif qed tħares lejn il-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żghar 2025 f’Andorra, fejn se tkunu qed tipparteċipaw fit-3×3 basketball?
Il-logħba tat-3×3 hija waħda verament differenti minn dik tal-5 vs 5. Il-kompetizzjoni se tkun waħda difficli u t-timijiet huma b’saħħithom, imma grazzi għall-esperjenza tagħna bħala tim fil-logħba tat-3×3, u l-għajnuna mill-kowc Roderick Vella, nemmen li għandna kull opportunitá li nirbħu midalja.
U lejn il-futur tiegħek fil-basketball?
Minkejja li rbaħt diversi kampjonati f’kategoriji differenti, kull sena rrid nsib motivazzjoni ġdida biex intejjeb il-livell. Għadni żgħir u għad hemm x’nista’ nagħmel biex nitjieb u nsir plejer aħjar u anke l-aħjar persuna li nista’ nsir. Li nirrapreżenta lil Malta hija unur kbir u xi ħaġa li kull tifel u tifla jaspira li jkun parti minnha. Bħalissa qed nikkowċja l-kategorija tal-U14 u meta nara t-tfal iż-żgħar jieħdu gost, timlini b’motivazzjoni kbira. Li nagħti lura lill-komunitá tal-basketball hija xi ħaġa li rrid inkompli nagħmel għal ħajti kollha.
Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jibda jipprattika l-basketball, u jkollu karriera ta’ suċċess f’dan l-isport.
Lil min jixtieq jagħmel karriera ta’ suċċess fil-basketball, il-messaġġ tiegħi hu sempliċi: emmen fik innifsek, u kun pacenzjuż. It-triq mhux dejjem se tkun faċli, u għandek bżonn ħafna dedikazzjoni u dixxiplina. Dejjem fittex li titgħallem, kemm mill-kowċis, sħabek tat-tim, u anke mill-avversarji tiegħek.
Tibżax mill-isfidi jew minn żbalji, għax huma dawn li jgħinuk tikber u ssir plejer aħjar. Kun umli u ħalli l-passjoni tiegħek għall-basketball tkun il-mutur li jmexxik ’il quddiem. Fl-aħħar nett, dejjem żomm f’moħħok li l-basketball huwa ‘taem sport’ – irrispetta lil dawk ta’ madwarek u dejjem agħti l-aħjar tiegħek, kemm għal-logħba kif ukoll għat-tim tiegħek. Is-suċċess jiġi billi taħdem u bid-determinazzjoni, imma wkoll billi tieħu pjaċir f’dak kollu li qed tagħmel!