Minn Cristian Muscat
Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-futbol?
L-imħabba tiegħi lejn il-futbol bdiet minn età żgħira, meta ta’ sitt snin, il-ġenituri tiegħi daħħluni fin-nursery ta’ Zabbar St Patrick FC. Barra minn hekk, kbirt f’familja li l-futbol huwa għal qalbha ħafna. Dejjem kont nara l-logħob ma’ missieri, nannuhi, u hija, u l-interess dejjem żdied. Bħala partitarju ċkejken ta’ AC Milan, kont nammira ħafna lil Zlatan Ibrahimovic għall-mentalità b’saħħitha li kellu u tal-gowls li kien jiskorja.
Iddeskrivi l-esperjenza preżenti tiegħek ma’ Fgura United FC.
L-esperjenza preżenti tiegħi ma’ Fgura United FC hi waħda pożittiva ħafna. Ingħatajt l-opportunità li nuri t-talent tiegħi f’tim tal-kbar u saħansitra, bil-prestazzjonijiet konsistenti li kelli, spiċċajt lgħabt il-logħob kollha. Inħoss li l-fiduċja u r-rspett li urieni dal-klabb irreċiprokajtu fil-grawnd, u kien staġun ta’ suċċess, kemm fuq livell personali, kif ukoll kollettiv. L-ambjent huwa trankwill, anka f’mumenti diffiċli, u tħoss li tista’ tesprimi ruħek bl-aqwa mod possibbli, mingħajr biża’ li xi ħadd ħa jiġġudikak.
X’tikkummenta fuq l-andament tat-tim matul dan l-istaġun sa issa?
L-istaġun tagħna s’issa huwa wieħed pożittiv ħafna. It-tim huwa magħqud u determinat li jkompli jibni fuq dan il-bidu pożittiv.
X’inhuma t-tragwardi tagħkom għal dan l-istaġun?
Dan l-istaġun qed nimmiraw li nkunu fost l-aqwa timijiet fil-Kampjonat u li nagħmluha mat-Top 8. Filwaqt li nirrikonoxxi l-kompetittività taċ-Challenge League, nemmen li għandna l-potenzjal biex inkomplu nibnu fuq dak li għamilna u nagħtu sfida lil kull tim.
X’tikkummenta fuq il-kowċ, Kevin Vella?
Il-kowċ Kevin Vella huwa kowċ bravu ħafna, u kapaċi jati soluzzjoni għal kull problema li tista’ tinħoloq fil-grawnd. Barra minn hekk, hu kowċ umli li tieħu pjaċir titkellem miegħu, u dejjem lest li jgħin lil dak li jkun, kemm fil-grawnd, kif ukoll barra. L-iżjed karatteristika tajba li għandu hi li fl-iktar mumenti ħżiena, ikun lest li jxammar il-kmiem u jaħdem aktar minn qatt qabel biex jgħin lit-tim tiegħu. Barra minn hekk, isegwi mill-qrib it-timijiet iż-żgħar u dejjem juri interess fil-futur tal-klabb.
U fuq il-kumitat immexxi mill-president, Larkin Bonnici?
M’għandi xejn ħlief tifħir għall-kumitat immexxi mill-president, Larkin Bonnici. Fil-klabb tal-Fgura hemm interess totali f’kull kategorija, miż-żgħar nett sat-tim tal-kbar, u jsir xogħol bla waqfien għall-benefiċċju tat-timijiet kollha. Ma nistax ma nsemmix il-fatt li hemm bosta membri tal-kumitat li huma volontarjati, li l-interess waħdieni tagħhom huwa li sena wara sena, it-tim tal-Fgura jibqa’ jagħmel progress. Fil-fatt, fi spazju ta’ ħames snin, it-timijiet kompetittivi ta’ dal-klabb rebħu diversi promozzjonijiet mil-livelli l-aktar baxxi, biex illum kollha qed jilgħabu f’Section A. Dan juri x-xogħol siewi li qed isir fi ħdan dan il-klabb, u l-interess ħolistiku li hemm biex il-futur ikun wieħed sabiħ.
Iddeskrivi l-esperjenza passata tiegħek ma’ Birkirkara FC, fejn lgħabt ukoll fil-Malta Premier.
Qattajt erba’ snin ma’ Birkirkara FC fejn kelli l-opportunità li nittrenja u nilgħab ma’ wħud mill-aqwa plejers ta’ Malta, kemm tal-età tiegħi, kif ukoll tal-kbar. Missejt l-ogħla livell tal-futbol Malti fejn lgħabt xi logħbiet fil-Malta Premier, u esperjenzajt ir-rebħ tal-FA Trophy.
Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek fil-futbol?
Inħares lejn il-futur tiegħi fil-futbol bi tbissima, u ninsab ħerqan biex inkompli nitjieb sena wara sena. Mumenti diffiċli dejjem se jkun hemm, iżda l-fatt li dejjem żammejt sod u kont persistenti anka meta kont affaċċjat b’diversi sfidi ibsin, itini l-kuraġġ li nibqa’ miexi ‘l quddiem u nkun lest li naffaċċja dawn l-isfidi bl-aqwa mod possibbli.
Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jagħmel karriera ta’ suċċess fil-futbol.
Għal kull min jixtieq li jkollu karriera ta’ suċċess fil-futbol, l-aktar ħaġa importanti hija li jiġri x’jiġri, tibqa’ miexi ‘l quddiem. Is-sabiħ tal-futbol hu li sakemm tibqa’ tipprova, dejjem ikollok ċans ieħor jekk ma tirnexxix mall-ewwel.
Kien hemm ħafna mumenti diffiċli fejn ħsibt li ma kien hemm l-ebda ċans li noħroġ minnhom, imma peressli bqajt nissielet, dejjem irnexxieli negħleb kull ostaklu li kelli quddiemi, u hekk se nibqa’ nagħmel fil-futur!

