Minn Cristian Muscat
Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-basketball?
L-imħabba tiegħi lejn il-basketball bdiet meta l-ġenituri tawni ballun tal-basketball meta għalaqt erba’ snin, imbagħad ħaduni basketball camp ġewwa l-White Rocks ta’ Don Ross u komplejt minn hemm.
Iddeskrivi l-esperjenza tiegħek bħala plejer u l-unuri li rbaħt kemm fuq livell ta’ klabb kif ukoll mat- tim nazzjonali.
L-esperjenza tiegħi bħala plejer kienet ta’ suċċess u nemmen li dawk l-esperjenzi se jgħinuni f’din l-isfida li jmiss bħala kowċ.
X’differenza hemm bejn li tkun plejer u kowċ?
Id-differenza hi li bħala plejer kont nittrenja ħafna biex intejjeb il-logħba tiegħi u nkun fiżikament fl-aqwa tiegħi għal meta jiġi biex jagħżlek il-kowċ. Bħala kowċ trid tieħu ħsieb it-titjib, l-iżvilupp u l-‘chemistry’ tat-team biex nilħqu t-tragwardi tagħna.
Kif qed tħares ‘il quddiem lejn l-esperjenza ġdida tiegħek bħala kowċ tat-tim tan-nisa ta’ Starlites?
Din se tkun l-ewwel esperjenza tiegħi u qed inħares lejha b’ottimiżmu u nħossni grat li l-kumitat ta’ Starlites għażlu lili wara li tkellimna fuq il-viżjoni ta’ kif nixtieq nara lit-tim jilgħab.
Taħseb li għandkom skwadra b’saħħitha biżżejjed biex tirbhu l-kampjonat?
Peress li saru ċerti tibdiliet fit-tim se nieħdu kollox pass pass u naraw x’jiġri. Nemmen li għandna skwadra b’saħħitha biżżejjed biex inkunu kompetittivi.
Kif tqis il-livell tal-basketball tan-nisa f’pajjiżna fil-preżent?
Naħseb li qiegħed tajjeb u bl-inklużjoni ta’ żewġ timijiet oħra se tkun aktar interessanti dan l-istaġun.
Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jagħmel karriera ta’ suċċess fil-basketball.
Isibu bilanċ bejn taħriġ, xogħol, familja jew skola u li jkollhom ‘self-motivation’ biex jittrenjaw individwalment apparti dak it-taħriġ li jipprovdi l-klabb.