Sunday, November 10, 2024

“Nemmen li hemm futur għall-Evanġelju u għall-ħajja nisranija”

Fr Jimmy Bonnici, fil-jiem li għaddew flimkien ma’ qassisin oħrajn, iċċelebra l-25 anniversarju mill-Ordinazzjoni Presbiterali tiegħu.

Aqra wkoll

Kif ġietek il-vokazzjoni biex issir saċerdot?
Il-ħajja hija nisġa sabiħa. Ma nitwieldux lesti! Nissawru hekk kif niltaqgħu mar-realtà, insibu ispirazzjoni fid-dinja ta’ madwarna, u fuq kollox meta nsibu l-libertà li nesprimu xi ħaġa sabiħa, ħierġa mill-profond. Napprezza l-mistoqsijiet u t-tfittxija taż-żgħożija, l-aspirazzjonijiet u l-ħolm, esperjenzi fejn nies afdawni, fejn doqt is-sabiħ li nkun ġeneruż, il-ferħ f’persuni li qed jagħtu ħajjithom għal kawża tajba, diversi katekisti fil-MUSEUM, qassisin fil-familja u l-parroċċa. Però l-libertà vera sibtha meta għaraft li hemm Alla: li jiżra’ fiduċja, li joffri sfida, u li ġġib magħha paċi.
 
Iddeskrivi r-rwol tiegħek bħala Rettur tas-Seminarju tal-Arċisqof

Nagħti valur kbir il-mixja ma’ kull żagħżugħ li jesprimi xewqa f’qalbu li jħobb fil-Knisja bħala qassis. Dan jimplika li bħala rettur nsostni l-ħidma li ssir fiċ-Ċentru tal-Vokazzjonjiet u li noffru proposti konkreti li jgħinu lill-persuni u l-Knisja tagħraf jekk hemmx vokazzjoni saċerdotali jew sejħa oħra. Għal dawk  li jiġu aċċettati bħala seminaristi, nieħu ħsieb li jkun hemm programm tajjeb ta’ formazzjoni li jgħin liż-żgħażagħ iwieġbu bl-aħjar mod għas-sejħa t’Alla fid-dawl tal-Kelma t’Alla u tal-viżjoni tal-Knisja għall-eżiġenzi taż-żmien li ġej.

X’ħidma jagħmel dan is-Seminarju matul is-sena?

Prinċiparjament il-formazzjoni tas-seminaristi li jgħixu f’dan il-post bħala komunità. Dan ifisser l-involviment ta’ tant persuni minn oqsma differenti tal-ħajja sabiex kull seminarista (i) jissaħħaħ fil-maturità umana u fil-kapaċità tar-relazzjonijiet; (ii) jikber fil-ħbiberija m’Alla u jaġixxi bil-qalb u bil-kwalitajiet ta’ Ġesù r-Ragħaj it-tajjeb; (iii) jintegra t-tagħlim tal-filosofija u t-teoloġija biex japprezza aħjar il-fidi nisranija u jiddjaloga mal-kultura kontemporanja; (iv) jiżviluppa l-kwalitajiet pastorali, anke b’esperjenzi diretti fil-parroċċi u istituzzjonijiet li jagħtu kontribut siewi fis-soċjetà.

Però, bħala post, is-Seminarju jilqa’ wkoll mat-800 student fl-iskola tas-Seminarju Minuri, diversi adoloxxenti u żgħażagħ fil-weekends fiċ-Ċentru tal-Vokazzjonijiet, u madwar ħmistax il-attività oħra. Hekk pereżempju l-Librerija speċjalizzata fit-Teoloġija miftuħa kuljum għall-pubbliku, il-laqgħat ta’ formazzjoni kontinwa għall-kleru, Casa Fratelli Tutti u l-Kċina ta’ Marta, u oħrajn.
 
Jinkwetak il-fatt li fil-preżent hemm biss 12-il seminarista fis-Seminarju tal-Arcisqof?

Is-sena d-dieħla, in-numru ta’ seminaristi se jkun għaxra, numru żgħir meta nqabbluh ma’ ftit snin ilu. Din il-bidla fin-numri bilfors iġegħelna nirriflettu aktar fil-fond.

Però ma nħallihiex tinbidel f’tip ta’ inkwiet li jġiegħlni naħseb li l-istorja tiddependi kollha minni. Naraha sfida u opportunità biex nifhmu aħjar it-tibdiliet li għaddejjin fis-soċjetà u fil-Knisja u nagħrfu fejn Alla jixtieq iġeddidna għall-futur li għadna ma nafuhx. Għalhekk la inkwiet li jipparalizzana, la rassenjazzjoni passiva, iżda stedina biex inkunu nies ta’ fidi, tama u mħabba.
 
Tħoss li hawn kriżi ta’ vokazzjonijiet saċerdotali f’pajjiżna?

L-ewwel mistoqsija tiegħi hija jekk għandniex kriżi ta’ tama. L-istatistiċi jindikaw kif ir-rata ta’ twelid qiegħda dejjem titbaxxa, in-numru ta’ nies involuti fil-volontarjat jonqos u numru sostanzjali ta’ żgħażagħ li ma jarawx li jista’ jkollhom futur f’pajjiżna.

Din it-tip ta’ kriżi, li nsibuha wkoll fuq il-livell ta’ vokazzjonijiet, tistedinna biex inxammru l-kmiem u naħdmu flimkien ħalli nagħarfu liema tip ta’ żerriegħa hemm bżonn biex inxettlu tama ġdida.
 
Min hu Kristu għalik?

Huwa kollox. Mhux fis-sens li m’hemmx mumenti fejn niżvija u nfittex li nagħżaq waħdi. Imma ninduna li kull darba nirritorna lejH biex jisfidani, itini perspettiva fuq il-ħajja, il-kriterju tal-istil ta’ ħajja umana sabiħa. Hu li jispirani u jqawwini biex ngħix, biex inħobb lin-nies, biex inġorr id-diffiċli u nimxi fid-dlam.

Huwa Alla li rabat ismu ma’ raħal ċkejken – Ġesù ta’ Nazareth – u għalhekk nagħżel li nħobb din l-art ċkejkna tagħna, napprezza l-umanità li xxettlet hawn u nkun kreattiv biex inwassal l-Evanġelju lin-nies ta’ llum. Huwa dak li ssorprenda lid-dixxipli bil-qawmien mill-mewt: m’għarfuhx mill-ewwel iżda kien Hu. Għalhekk nemmen li hemm futur għall-Evanġelju u għall-ħajja nisranija anke jekk ser jissorprendina fuq il-mod kif.
 
Kemm taspira li tkun Kristu ieħor bħala qassis?

Nemmen li Kristu wieħed hemm. Li nittama huwa li flimkien ma’ ħuti s-saċerdoti nissieħeb miegħU biex jidher Hu bħala r-Ragħaj it-tajjeb, inkun strument umli biex tasal il-Kelma tiegħU li tagħti l-ħajja, nitlob man-nies f’ismu, u nkun strument ta’ għaqda.
 
X’jogħġbok u xi jbeżżgħek fil-ħajja saċerdotali?

Il-ħajja tal-qassis sabiħa. Għalkemm bniedem fraġli bħal kulħadd, Alla, permezz tal-presenza u l-kontribut kreattiv tiegħi, jagħti l-ħajja lin-nies, konsolazzjoni, kuraġġ, ħelsien mill-ħtija li tipparalizza, sfida li tkabbar.
Il-biża’ prinċipali huwa li ma nweġibx tajjeb quddiem il-kobor t’Alla u l-misteru tal-bniedem u nagħmel ħsara flok ġid. Imma l-Mulej, filwaqt li jistedinna għall-għaqal u biex nieħu l-pariri meħtieġa, dejjem jgħidli “Tibżax … imxi”.

X’inhu r-rwol ta’ qassis fis-soċjetà tal-lum? Min hu l-qassis?

Bniedem li jemmen, li jittama u li jħobb. Hemm sfidi kbar fis-soċjetà u għalhekk faċli li l-qassis jidher xi ftit stramb. Imma għalhekk nara li huwa meħtieġ aktar: biex iqajjem id-domanda mill-ġdid tal-fidi, tat-tama u tal-imħabba.
 
Għaliex taħseb li tant żgħażagħ mhux qed jersqu lejn il-Knisja jew is-saċerdot jew għad hawn żgħażagħ li jfittxu l-bżonn tal-Knisja u s-saċerdot fil-ħajja tagħhom?

Il-proċess li jagħmlu ż-żgħażagħ illum huwa differenti mill-passat. Forsi qabel in-nies kienu jitwieldu fi drawwiet kulturali b’saħħithom u awtomatikament wieħed kien isib postu fil-Knisja, fil-prattika tal-quddies tal-Ħadd, u prattiċi tajbin oħra. Anke ħafna mid-divertiment kien iseħħ jew jiġi organizzat fl-ambjenti tal-Knisja. Illum iż-żgħażagħ jibdew minn sitwazzjoni ferm differenti.

Il-punt tat-tluq huwa pjuttost it-tfittxija li jagħmlu b’mod personali. Eventwalment imorru fejn iħossuhom konvinti. Ninnota li meta jiltaqgħu ma’ xi ħaġa ġenwina f’qassis u f’komunità nisranija jibdew isaqsu b’interess u jikkontribwixxu bil-qalb.
 
Għaddi messaġġ finali fuq l-importanza li wieħed ikollu lil Kristu f’ħajtu. 
Jolqtuni l-kliem ta’ San Benedittu dwar min jagħżel li jieħu l-ħajja nisranija bis-serjetà: “ma jqiegħdu xejn u xejn qabel Kristu, li jwassalna flimkien għall-ħajja ta’ dejjem”.

Essenzjali li nnaqqsu ftit mill-ġirja biex inlaħħqu (ma xiex?) u napprezzaw is-sbuħija umana li tidher (u jrid jgħaddilna) fi Kristu Ġesù.

Sport