Thursday, January 8, 2026

‘Nemmen li jekk nibqa’ b’saħħti, nista’ nikkontribwixxi għas-suċċessi ta’ Ta’ Xbiex biex jitiligħu fil-piramida tal-futbol Malti’ – Antoine Attard

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il futbol?

L-imħabba personali lejn il-futbol tista’ tgħid bdiet mingħajr ma kelli wisq għażla. Kelli ħija ikbar minni, u dejjem sibna kull opportunità biex nilgħabu xi logħob bil-ballun, speċjalment il-futbol. Ivvintajna ‘tournaments’ u logħob kreattivi id-dar, konna noħorġu barra fit-triq nqassmu lil xulxin, u meta ħriġna mal-familja organiżżajna logħba futbol ma’ tfal oħra li konna niltaqgħu magħhom. Meta ħija ma kienx disponnibli, kont nivvinta logħba bir-riżorsi li kelli id-dar, naqra fuq l-istorja u l-istatistiċi tal-futbol jew nara’ xi dokumentarju fuq plejer famuz.

Din l-imħabba fil-futbol żviluppuajtha iktar fl-iskola’, nilagħbu l-futbol ma’ sħabi u anke fl-Akkademja tal-Melita FC, fejn kelli l-opportuntà nilgħab u nikkompeti ma’ sħabi b’mod iktar strutturat.

Ħa mmur mal-ewwel għall-punt. Kif qed tħares lejn l-esperjenza ġdida tiegħek ma’ Ta’ Xbiex SC?

Eċċitat bl-isfida l-ġdida li għandi quddiemi ma’ Ta’ Xbiex SC. Meta tikkunsidra li l-klabb twaqqaf inqas minn 15-il sena ilu, hu klabb pjuttost ‘żgħir’ fil-futbol Malti li hija xi ħaga li tispirani. Apparti minn hekk, Ta’ Xbiex SC trabba minn membri li kienu involuti mal-Melita FC, u naturalment introduċew valuri simili bħal dawk li kellhom hemmhekk. Għalhekk dejjem segwejt lil Ta’ Xbiex SC u xtaqtilhom kull suċċess fil-futbol.

Das-sajf, meta l-kumitat ta Ta’ Xbiex avviċinawni biex niffirma magħhom, kelli interess kbir. Urew ambizzjoni biex jikbru bħala klabb u issa immexxi minn president ġdid, juri li hu lest biex jilħaq it-tragwardi tal-klabb. Din hi xi ħaġa eċċitanti ħafna. Ma stajtx niffirma mmedjatament minħabba impenji barra minn xtutna, fl-Olanda, fejn hemmhekk kelli wkoll opportunità oħra nilgħab ma’ klabb Olandiz. Meta ġejt lura ftit ilu, erġajna bdejna nitkellmu u saħansitra iffirmajt ma’ Ta’ Xbiex SC.

L-għan tiegħi ma’ Ta’ Xbiex SC hu li nikteb storja unika flimkien mat-tim u l-klabb; li ngħin it tim jiġu promossi għal ‘National Amateur League 1’ għall-ewwel darba fl-istorja tagħhom. 

Iddeskrivi ll esperjenza passata tiegħek ta’ xejn inqas minn 25 sena ma’ Melita FC u kemm tgħallimt minnha.

Melita FC hija t tieni dar tiegħi. Diffiċli biex niddeskrivi is-sens ta’ appartenenza u kburija li għandi meta nilbes il-flokk aħmar tal-Melita. L-iżvillup tiegħi fil-klabb narah bħala edukazzjoni, mhux biss fil-futbol, imma fil-ħajja personali. Għalhekk ħassejt li għandi dmir li niggwida l-plejers żgħażagħ li jitilgħu mill-akademija u flimkien ma’ plejers ta’ esperjenza ġol-klabb, nżommu u ngħollu l-valuri tal-Melita.

Fl-akademija tal-Melita għandi ħafna memorji sbieħ fejn irbaħt ħafna tazzi u kelli xorti li rbaħthom mall-aqwa ħbieb tiegħi. Melita tawni pjattaforma biex nikber u nimatura, li wassal għal opportunità li nirrapreżenta it-tim nazzjonali ta’ Malta taż-żghar, kif ukoll biex namel id-debut tieghi mat-tim tal-kbar ta’17-il sena fil-Premier League lura fl-2013.

L-istorja tiegħi mal-Melita FC hi waħda ta’ diversi emozzjonijiet. Minn naħa waħda ksibna ġiex promozzjonijiet, lgħabt f’logħbiet importanti u skurkajt ħafna gowls. Dawn huma affarijiet li dejjem ħa jibqgħu f’qalbi. Minn naħa l-oħra tlift ħafna logħob minħabba ‘injuries’ li affetwat l-iżvilupp tiegħi fil-futbol.

Minkejja dan kollu, għandi unur kbir li irrappreżentajt il-kbar tal-Melita FC dawn l-aħħar 12 il-sena. Lgħabt madwar 125 logħba, il-maġġoranza ntlagħbu fiċ-‘Challenge League’, kif ukoll żewg staġuni fl-ogħla diviżjoni tal-futbol Malti – il-Malta Premier.

Kif tqis il-livell tal-futbol Malti fil-preżent?

Dawn l-aħħar snin, il-futbol Malti ra kambjament kbir. Illum fil-Premier League ta’ Malta hemm investiment konsiderevoli u qed naraw ħafna iktar barranin jilgħabu u saħansitra sar progress kbir. Nemmen li iż-żgħażagħ għandhom iktar opportunitiajiet biex jagħmlu karriera fil-futbol f’Malta u anke barra minn Malta.

U dak tar-riżorsi (grawnds) fejn titħarrgu u tilagħbu l-loghob kompetittiv tagħkom?

Fil-kampjonati baxxi ta’ Malta, il-grawnds m’humiex addatti għal logħba tal-llum u nħoss li jeħtieġ li jsir progress fl-infrastruttura u l-faċilitajiet għat-timijiet ta’ kull livel. Fl-Olanda u fir-Renju Unit, fejn kelli opportunitajiet nilgħab futbol, il-klabbs u skejjel kollha ghandhom xi tlett grawnds, u wieħed dejjem tal-ħaxix. Barra minn hekk, il-klabbs għandhom għajnuna finanzjarja minn muniċipalità tar-reġjun. 

Nemmen li f’Malta, l-eko-sistema sportiva trid taħdem flimkien biex toħloq struttura olistika. Per ezempju, l-assoċjazzjonijiet sportivi jistgħu joħolqu inizjattivi biex jgħinu lill-klabbs iżgħar jiżviluppaw l-infrastruttura tagħhom jew jiġu ppremjati klabbs li jinvestu fl-iżvilupp b’mod sostenibbli.

Kif qed tħares lejn il futur aktar inbieghed tiegħek fil futbol? 

Issa għandi kważi 30 sena u neħodha sena b’sena. Nemmen li jekk nibqa’ b’saħħti u mingħajr ‘injuries’, nista’ nikkontribwixxi għas-suċċessi ta’ Ta Xbiex biex jitiligħu fil-piramida tal-futbol Malti. Barra minn hekk, għandi l-ewwel liċenzja tal-kowċing, u nixtieq nuża l-esperjenzi tiegħi fil-futbol, biex ngħin il-ġenerazzjonijet futuri jitjiebu it-teknika tagħhom u aktar importanti minn hekk biex jieħdu gost jilgħabu il-futbol.

Għaddi messaġġ finali lil kull min jixtieq jagħmel karriera ta’ suċċess fil-futbol.

Nemmen li l-aktar ingredjenti importanti fil-futbol huma r-reżiljenza u l-perseveranza. Ir-reżiljenza għaliex faċilment plejer jista’ jgħaddi minn perjodi difficili bħal nuqqas ta’ forma, ‘injuries’,  jew li ma tkunx magħzul mal-iskwadra. Il-perseveranza għaliex il-karriera ta’ plejer hija twila meta tikkonsidra li tista’ tibda meta jkollok biss erba’ snin u llum tista’ tkompli għaddej sa’ 40 sena. Għalhekk trid tkun iffokat, eċċitat u b’saħħek fiżikalment u mentalment biex tkompli tilgħab. 

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport