Minn Cristian Muscat
Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-futbol?
L-imħabba tiegħi lejn il-futbol bdiet ta’ età żgħira fejn għal bidu, bejn l-iskola u l-mużew, kont dejjem immur training tal-futbol u ovvjament kont nittrenja ma’ Sirens peress li jien minn San Pawl il-Baħar. Waqt il-ħin liberu tiegħi u kif ukoll fis-sajf dejjem kont nara kif se nilgħab il-futbol, anke sempliċiment jekk immorru ġo għalqa kont nieħu ballun miegħi biex inkun nista’ nilgħab bil-ballun.
Minn età żgħira bdejt nittrenja ma’ Sirens fejn nista’ ngħid li għamilt minn 5 snin sa 23 sena fil-club ta’ Sirens. Wara dan iż-żmien kollu kont ukoll ma’ clubs bħalma huma Mellieħa, Mġarr, Ħal Luqa u Mdina Knights. Fil-weekends kont dejjem inqatta’ ħafna mill-ħin tiegħi nara futbol u nitilgħu l-ground biex naraw logħob tal-league Malti.
Wara dan kollu ddeċidejt li nibda nidħol aktar fil-kowċing fejn hemmhekk irrealizzajt li apparti milli tħobb il-futbol, tista’ wkoll tgħin lit-tfal/żgħażagħ biex dejjem jitgħallmu u jikbru għall-aħjar. Is-sodisfazzjon li kont nieħu wara training session kienet kbira għal raġuni sempliċi – mhux biss għamilt session tal-futbol imma rajt lit-tfal jieħdu pjaċir u l-iktar ħaġa importanti jitgħallmu u jikbru fl-iżvilupp tagħhom.
Kif qed tħares lejn l-esperjenza ġdida tiegħek bħala Lead Coach tat-tim tal-U17 u Assistant Coach tat-tim tal-U15 ta’ Sirens FC?
Din is-sena se tkun sena fejn bħala coach mhux se nħares biss lejn ir-riżultati imma lejn l-iżvilupp tat-team tal-U15s u wkoll dak tal-U17s. Ovvjament bħala coach ir-riżultati huma sbieħ u importanti għal kulħadd, imma jekk ma jkollokx team li jifhem il-logħba tal-futbol kif ukoll l-importanza tat-team, ma tkunx wasalt. Dan l-istaġun se jkun ta’ sfida għalija fejn bħala kowċ irrid noħroġ il-potenzjal minn kull player, kif ukoll inkompli niżviluppa l-abbiltajiet tekniċi, tattici, fiżiċi kif ukoll mentali tal-grupp. Apparti minn hekk, bħala coach nixtieq li l-iskwadra tkompli tikber u tkun kompetittiva.
Iddeskrivi l-esperjenzi preċedenti tiegħek fil-kowċing qabel ma ngħaqadt mal-Akkademja ta’ Sirens FC.
Dawn l-aħħar żewġ staġuni kont mal-klabb ta’ Mġarr United FC fejn kont assistant coach tal-U15s kif ukoll assistant coach mal-U17s. Nista’ ngħid li f`dawn l-aħħar sentejn tgħallimt immensament minn din l-opportunitá u għenitni nkompli niżviluppa sew fil-karriera tiegħi tal-kowċing. F`dan ir-rwol li kelli, l-ewwel prinċipju tiegħi dejjem kien li kemm tista’ toħroġ l-aħjar minn kull individwiju, kif ukoll dejjem nippruvaw intejbu l-valuri u l-abbiltajiet kif ukoll il-mentalitá tat-tim.
L-għan tiegħi f`dan l-istaġun il-ġdid huwa li nibni skwadra kompetittiva kemm jista’ jkun u nkunu magħqudin biex ikollna staġun ta` livell għoli u nagħrfu l-identitá tal-logħba sabiħa tal-futbol.
Kif tqis il-livell tal-grassroots f’pajjiżna?
Il-livell tal-grassroots huwa tajjeb ħafna u rajna titjib kbir minn kull club. Apparti minn hekk il-coaches f’pajjiżna huma kwalifikati u jżommu ruħhom aġġornati. Ukoll ħafna mill-clubs qed jinvestu ħafna riżorsi biex il-coaches ikollhom l-aħjar apparat sabiex iwasslu taħriġ tajjeb u b’hekk joħorġu l-aħjar potenzjal mit-tfal.
U dak tal-futbol Malti fil-preżent?
Il-futbol Malti bħal dak barrani nbidel ħafna matul iż-żmien u kif kulħadd jista’ jara, il-futbol tal-lum sar aktar fiżiku u tattiku. Il-livell preżenti f’Malta huwa tajjeb meta tara clubs jarmu minn kull aspett – kemm plejers, staff tekniku, livell ta’ training kif ukoll plejers barranin li qed jgħinu timijiet kemm żgħar kif ukoll kbar. Apparti minn hekk, jien favur li clubs kemm jista’ jkun jagħtu ċans liż-żgħażagħ tagħhom sabiex minn età żgħira jkollhom opportunità jitħarrġu fit-team tas-seniors.
U dak tar-riżorsi (grawnds) fejn il-plejers jitħarrġu u jilagħbu l-logħob kompetittiv tagħhom?
Il-maġġoranza tal-grawnds li nilagħbu fihom huma ta’ livell tajjeb. Ovvjament għad hemm ċerti grounds li hemm bżonn jiġu rranġati biex ikunu tal-livell tal-lum. Li hu żgur hu li kull club dejjem jipprova jagħmel l-aħjar biex inkomplu ntejbu l-futbol għat-tfal/żgħażagħ tagħna.
Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek fil-futbol?
Dwar il-futur fil-futbol, li hu żgur hu li rrid nibqa’ nitgħallem u nkompli l-course li jmiss li huwa UEFA B hekk kif għadni kemm spiċċajt il-UEFA C. Apparti minn hekk, dwar il-futur qatt ma tista’ tgħid x’se jiġri għax dejjem ikollok targets biex tilħaqhom u club jara jekk humiex qed jintlaħqu jew le.
Nista’ ngħid li dan l-istaġun għandi pjan kemm għall-U15s u wkoll għall-U17s li apparti milli nqajjem l-iskwadri rispettivi, nitgħallmu u naħdmu fuq żbalji li saru fil-passat u nikbru flimkien sabiex nieħdu dak li tassew ħaqqna.
Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jagħmel karriera ta’ suċċess fil-futbol.
Il-messaġġ tiegħi għal min hu jew jixtieq jidħol fil-futbol hu li apparti li titgħallem mill-coaches jew misħabek dwar il-futbol, għandek ukoll tieħu gost tilgħab l-isport li tant inħobbu. Meta wieħed imur sezzjoni tal-futbol, mhux biss qed jitgħallem dwar il-futbol imma b’dan l-isport jiltaqa’ ma’ nies differenti, esperjenzi differenti, jagħmel ħbieb ġodda u jkollu ħin ta’ rilassament mill-ħajja ta’ kuljum.
Ħaġa importanti ħafna hi li wieħed ma jarax biss ir-riżultat għax dak mhux kollox fil-futbol. Nemmen li kull min jenfasizza l-valuri tajbin fil-futbol, jasal biex jikseb suċċess f’dak kollu li jagħmel u jirbaħ rispett u fiduċja minn dawk ta’ madwaru.