Minn – VICTOR VELLA
“Minkejja li se naraw aktar miżuri mil-forzi tal-ordni pubblika meta wieħed iżur l-Awstrija, xorta nemmen li ser jibqa’ pajjiż li jħaddan it-tolleranza u l-inklużjoni. Fid-dawl ta’ traġedji simili, għandhna aktar minn qatt qabel nipprattikaw it-din l-attitudni mhux biss bħala Ewropej iżda saħansitra ma ġnus oħra li jgħixu fil-kontinent Ewropew, u li fil-maġġoranza assoluta tagħhom jiddisassoċjaw ruħhom minn atti barabari bħal dawn”.
Dan iddikjarah l-Ambaxxatur għall-Istati Uniti, Keith Azzopardi, li għal diversi snin serva ukoll bħala Ambaxxatur għall-Awstrija, meta mitlub jikkummenta minn L-ORIZZONT dwar l-attakk li sar fi Vjenna.
Hu qalilna li “bħal ħafna persuni oħra, qomt ixxukkjat bl-aħbar tal-attakk terroristiku fil-Kapitali Awstrijaka Vjenna din il-ġimgħa. Aktar u aktar meta skoprejt li l-lok ta’ fejn seħħ l-attakk, kien post li ta’ spiss kont niffrekkwenta ma’ diversi ħbieb u kollegi tiegħi meta kont inservi bħala Ambaxxatur ta’ Malta għall-Awstrija. Grazzi għall-mezzi soċjali, minnufih għamilt kuntatt ma’ diversi persuni li jgħixu Vienna sabiex nara li jinsabu tajbin. Fl-istess ħin, b’sogħba kbira rrejalizzajt li din il-belt tant majestuza Vjenna, li kienet ikkunsidrata bħala waħda mill-aktar bliet siguri, inħakmet ukoll minn dan l-element ta’ biża’ bħal diversi partijiet oħra fl-Ewropa.”
Enfasizza li “l-istint uman iġiegħel persuna li tiġġudika mill-ewwel. Ir-reazzjoni għal trawma bħal din, tnissel ċertu rabja, aktar u aktar meta tkun kompromessa l-istil ta’ ħajja li ġarrabna jew li mdorrijin biha, jew aktar u aktar meta tolqot persuni li huma qrib tagħna. Iżda l-aħjar risposa għall-traġedja bħal din hija bla dubju ta’ xejn aktar solidarjetà u nklużjoni.”
Spjega li “fost in-nostalġija li għandi ta’ meta kont ngħix l-Awstrija, hu l-fatt li Vjenna, iżda mhux biss, hi belt imħallta b’kulturi differenti li jgħixu f’libertà assoluta, irrispettivament mir-reliġjonijiet u d-drawwiet li jħaddnu. Niftakar sew meta fl-2015 meta kien hemm influss qawwi ta’ refuġjati kawża tal-kunflitt fir-Sirja, flimkien mal-Ministru tal-Affarijiet Barranin ta’ dak iż-żmien l-Onorevoli Carmelo Abela, konna żorna il-fruntiera mal-Unġerija u rajna b’għajnejna il-merħba li l-Awstrijaċi taw lill-eluf ta’ refuġjati li marru f’pajjizhom ifittxu kenn mill-perikli tal-gwerra. Minkejja s-sentiment estrem popolari fl-Ewropa, l-Awstrija xorta uriet li hu pajjiż tolleranti u miftuh ghall-persuni ta’ kull ġens.”
Tenna li “wisq nemmen li din ser tkun, u tibqa’ l-attitudni u r-risposta tal-Awstrijaċi għall-attakk terroristiku li sofrew minn ftit individwi li jħaddnu sentiment estrem. Waqt li bla dubju ser naraw aktar miżuri mil-forzi tal-ordni pubblika meta wieħed iżur l-Awstrija, xorta nemmen li ser jibqa’ pajjiż li jħaddan it-tolleranza u l-inklużjoni. Fid-dawl ta’ traġedji simili, għandhna aktar minn qatt qabel nipprattikaw it-din l-attitudni mhux biss bħala Ewropej iżda saħansitra ma ġnus oħra li jgħixu fil-kontinent Ewropew, u li fil-maġġoranza assoluta tagħhom jiddisassoċjaw ruħhom minn atti barabari bħal dawn.”
L-Ambaxxatur Azzopardi iddikjara li “l-Awstrija hu pajjiż li jnissel fiha memorji sbieħ u ħbiberiji għal għomri. Konvint li l-poplu Awstrijakk mhux biss għad jirkupra minn din it-trawma iżda mill-ġdid juri li kapaċi jgħix f’armonija ta’ kulturi differenti bħal qabel. Mill-ġdid nuri solidarjetà mal-poplu Awstrijakk, b’mod partikolari d-diversi ħbieb, inklużi Maltin, li jgħixu l-Awstrija.”