Minn Cristian Muscat
Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-futbol?
L-imħabba tiegħi għall-isport tal-futbol bdiet bħall-maġġoranza tan-nies f’Malta bejn nara logħba tal-futbol fuq it-televixin, daqqtejn ballun fit-triq mal-ħbieb u kif ukoll l-iskola qabel ma nibdew il-lezzjonijiet. Imma din l-imħabba dejjem kabbarta fejn kont nippratika dan l-isport mat-tim ta raħal twelidi, l-Imqabba. Ma’ dan il-klabb kont ixxurtjat biżżejjed li lgħabt sal-etá tal-Minors.
Iddeskrivi r-rwol tiegħek bħala team manager ta’ Birzebbugia SP FC.
Ir-rwol tiegħi huwa dak ta’ team manager – irwol fejn nemmen li jkun dak il-‘bridge’ ta’ għajnuna, komunikazzjoni u anke kjarifikazzjoni bejn l-istaff tekniku u l-iskwadra. Nipprova nkun ta’ għajnuna għal kulħadd kemm minn perspettiva ta’ amministrazzjoni kif ukoll bħala bniedem li wieħed jista’ jaqsam xi episodju li jkun għadda, qiegħed jew jista’ jgħaddi minnu.
X’taħseb li kien is-sigiriet wara l-ksib tal-promozzjoni għall-BOV Challenge League?
Nemmen li l-għaqda ġewwa id-dressing room hija l-ikbar ingredjent għas-suċċess, nemmen ukoll li l-iskwadra ingħaqdet u kellha l-istess tragward fil-kollettiv u dan li seħħ il-ħadd li għadda kien inevitabbli meta jkollok skwadra daqshekk magħquda.
Kif tqis il-livell tal-futbol Malti fil-preżent?
Nemmen, li bħal kwalunkwe ħaġ’oħra dejjem hemm fejn wieħed jista’ jitjieb. Dan għaliex ħadd mhu perfett u nemmen li aħna għad irridu naħdmu ħafna biex nilħqu il-livell mistħoqq għall-passjoni tal-Maltin lejn dan l-isport.
U dak tal-grawnds fejn tilagħbu l-logħob kompetittiv tagħkom?
Nemmen li f’ċerti grawnds sar progress imma nemmen ukoll li ċerti affarijiet għadhom inaċċettabbli bħal dlam kbir u insuffiċjenza ta’ dawl waqt logħbiet li jintlagħbu tard, kif ukoll li hawn grawnds fejn għadek issib ‘non-magnetic boards’ fejn l-istaff tekniku jkun qed jipprepara l-iskwadra għal-logħba.
Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek fil-futbol?
Jien fil-preżent għadni kemm ġejt liċenzjat b’suċċess mill-Malta Football Assosciation (MFA) bħala Team Manager, u nemmen li dan huwa suċċess żgħir lejn it-tragwardi personali tiegħi, hekk kif bħal kull individwu fl-isport, il-kompetizzjoni amikevoli bejnietna żżommna għaddejjin. Nemmen li nixtieq nikber u nitjieb u forsi darba nikber u nkun parti minn skwadra li tagħmel parti mill-ogħla livell tal-futbol Malti.
Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jagħmel karriera ta’ suċċess fil-futbol.
L-ewwel u l-ikbar messaġġ li nixtieq ngħaddi huwa li dan l-isport jinvolvi ħafna sagriffiċċji kemm personali kif ukoll familjari mingħajr ma nsemmi wkoll li jista’ joħloqlok tfixkil fix-xogħol ta’ dak li jkun. Iżda fl-istess mument nixtieq inwassal il-messaġġ li għal kull mument diffiċli u għal kull problema li wieħed jista’ jaffaċċja dejjem hemm soluzzjoni … ġieli ndumu aktar biex nintebħu biha u ġieli tkun qed tħares f’wiċċna u ma nintebħux b’dan. Dawn is-sagrifiċċji kollha jintesew wara togħma żgħira ta’ suċċess u terġa’ taqbdek il-kilba biex taħdem iktar għal aktar suċċessi personali u fil-kollettiv!