Friday, April 11, 2025

Nemmen li l-isport u speċjalment il-futbal għandu dmir u dover li jgħaqqad u jghin lill- komunitá – Ian Debattista

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Kif bdiet l-imhabba tiegħek lejn l-isport fosthom il-futbol?

Jien twelidt f’familja involuta fil-futbol u sa minn meta kont tifel dejjem missejt mal-isport u mal-futbol. Meta kont tifel kont parti miċ-Ċentru Sport Edukattiv ta’ Fr Hilary Tagliaferro, u bħal ħafna nies bħali Fr Hilary ħalla impatt kbir f’ħajti. Titwieled u tgħix il-Ħamrun, il-futbol trid u ma tridx ikun parti minnek u għalhekk l-imħabba tiegħi lejn l-isport u l-futbol kompliet dejjem tikber.

Iddeskrivi r-rwol tiegħek bħala Kap Eżekuttiv ta’ Hamrun Hanin.

Jien inħossni onorat li mmexxi Hamrun Hanin flimkien ma’ ħames persuni oħra li bħali jemmnu li għandna dmir u dover li nużaw l-isport biex nagħmlu l-ġid fil-komunitá. Bħala Kap Ezekuttiv jien nipparteċipa f’kull attivitá u inizjattiva li norganizzaw u nara li dak kollu li nwiegħdu nwettquh. Mhux dejjem din tkun faċli imma bl-għajnuna ta’ kulħadd nemmen li s’issa għamilna ħafna ġid.

Kemm tahdmu mill qrib mal klabb ta’ Hamrun Spartans FC?

Ahna l-id soċjali tal-klabb ta’ Hamrun Spartans FC u mingħajr dubju li l-ħidma tagħna mal-klabb hija waħda kontinwa u importanti. Importanti għaliex aħna mingħajr il-plejers tal-klabb ma nistgħux nwasslu l-messaġġ u nilħqu l-għanijiet tagħna. Meta nagħmlu attivitá, il-plejers tal-klabb dejjem ikunu l-atturi prinċipali tagħna għaliex huma jwasslu dak li naħdmu għalih aħna. Mal-klabb ukoll għandna arranġament biex permezz tal-akkademja tal-futbol tagħna ngħinu wkoll tfal li forsi m’għandhomx il-mezzi kollha biex ikunu parti mill-akkademja tagħna.

X’ghandkom pjanat għall-kumplament ta’ din is-sena kalendarja bħala attivitajiet?

Bħalissa nisnabu għaddejjin bla waqfien. Fl-aħħar jiem ħabbarna proġett importanti ħafna għalina – Goal for Literacy. Dan kien proġett li ħareġ minn esperjenzi personali tagħna għaliex bit-tfal tagħna qattajna ħafna ħin ġo nurseries. Allura għidna għaliex ma nippruvawx noħolqu proġett fejn ninstallaw ‘bookcases’ żgħar biex nagħtu opportunitá kemm lit-tfal u kemm lill-kbar jersqu iktar lejn il-qari. Dan irnexxielna nagħmluh grazzi għall-koperazzjoni tal-Youth FA u l-Aġenzija Nazzjonali tal-Litteriżmu. Attivitá oħra importanti li se ssir dalwaqt hija l-għoti tad-demm bħala parti mill-proġett tagħna Sports Unity. Imbagħad f’Mejju qed inħejju attivitá oħra speċjali ħafna għalina fejn beħsiebna nerġgħu ninvolvu lill-klabb kollu magħna.

Mill-ħidma tagħkom kif taraha s-soċjetà Maltija fil-preżent?

Jien inħoss li sfortunatament hawn nies li qed ibatu imma nemmen ukoll li l-isport għandu rwol importanti ħafna. Għandu rwol qabel xejn li jwassal il-messaġġ ta’ dawk li qed ibatu jew li għal xi raġuni jew oħra jinsabu mwarrba mis-soċjetá. Imbagħad nemmen li l-isport u speċjalment il-futbol għandu dmir u dover li jgħaqqad u jgħin lill-komunitá. Anzjan jitbissem għax iżuru plejer tal-klabb favorit tiegħu hija xi ħaġa speċjali ħafna għalina!

Kif qed tħares lejn il-futur ta’ Hamrun Hanin?

Il-problema ta’ kull minn jagħmel il-volontarjat f’pajjiżna dejjem tibqa’ l-ħin. Illum Hamrun Hanin m’għadhiex organizzazzjoni żgħira imma kibret u kibret sew. Aħna kollha naħdmu b’mod volontarju u xi kultant il-ħin huwa ftit wisq. Hemm l-element tal-finanzi għaliex dawn huma dejjem diffiċli. Jien kburi li flimkien ma’ sħabi irnexxielna nagħmlu ħafna attivitajiet u inizjattivi u dejjem żammejna mal-baġits finanzjarji limitati tagħna. L-intenzjoni tagħna issa hi dik ukoll li nippubblikaw l-accounts tagħna għaliex b’hekk inkunu qed nagħtu eżempju ta’ governanza u trasparenza.

Għaddi messaġġ finali u appell lil min jixtieq jibda jgħin fl-attivitajiet ta’ Hamrun Hanin.

L-appell tieghi huwa wieħed personali u sempliċi. Il-volontorjat huwa sabih u sabiħ għaliex minkejja li kull attivitá li ssir tinvolvi ħafna ħin u ħafna xogħol, dejjem taħseb li int se tagħti xi ħaġa lil xi ħadd, imma tispiċċa dejjem tirċievi t-tripplu lura int. Għalhekk nappella bis-sħiħ lil kull min jemmen li l-isport u l-futbol għandu d-dmir u s-saħħa li jwassal messaġġ biex jersaq lejna. Jista’ dejjem jikkuntattja lili inkella jikkuntattjana minn fuq il-paġni tal-media soċjali tagħna. Nixtieq nagħlaq ukoll billi nirringrazzja lilek u lill-ġurnalisti kollha għaliex bl-għajnuna tagħkom biss nistgħu nwasslu l-messaġġ tagħna!

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport