Friday, December 27, 2024

“Nemmen li l-PL hu l-aqwa għodda għat-tmexxija u għall-futur tal-pajjiż”

Aqra wkoll

Minn MELVIN FARRUGIA

Daniel Micallef, li sal-lum jokkupa l-kariga ta’ President tal-Partit Laburista, tefa’ l-kandidatura tiegħu għall-kariga ta’ Deputat Mexxej għall-Affarijiet tal-Partit. Hu għamel dan nhar il-Ġimgħa, hekk kif infetħu n-nomini għal din il-kariga u għal karigi oħra fl-amministrazzjoni tal-Partit Laburista. 

Kellna ċ-ċans titkellem ma’ Daniel Micallef li spjega kif kienu diversi l-fatturi li wassluh biex jieħu din id-deċiżjoni. Fost l-oħrajn, semma li ngħata appoġġ qawwi mingħand in-nies u mill-attivisti tal-partit u allura ħass li dan tefa’ responsabbiltà fuqu li ma setax iħares lejn naħa oħra u jinjoraha. 

Barra hekk, semma kif matul iż-żmien hu kien espost għal saffi u organi differenti tal-Partit Laburista, fosthom fil-kariga preżenti ta’ President, fil-Forum Żgħażagħ Laburisti bħala president ukoll, bħala parti mill-kumitati lokali u anke fl-uffiċċju elettorali bħala maniġer tal-lokalità. Dan kollu jħoss li poġġieh f’kuntatt ma’ dak kollu li kien qed jiġri, b’tali mod li għandu veduta tajba ta’ dak kollu li hemm tajjeb fil-Partit Laburista, ta’ dak li jħoss li għandu jitranġa u anke ta’ dak li hemm bżonn li jsir ġdid. 

Għalhekk jemmen li l-messaġġ tal-kampanja tiegħu “Flimkien” hu adattat, peress li hu jemmen fil-kollettiv u fl-għaqda, fejn il-partit jista’ jaħdem biss jekk dejjem jibqa’ magħqud. Jispjega li fuq din il-bażi mbagħad jista’ jkun hemm għan komuni li kulħadd jaħdem għalih u minn hemm tinħoloq viżjoni għal quddiem. 

Micallef jemmen li hemm bżonn li jsir tiġdid, filwaqt li għamilha ċara li dan mhux qed jgħidu llum. Saħaq li dan diġà qalu fil-konferenza ġenerali f’Jannar u fi Frar, iżda fl-aħħar xhur, minħabba l-pandemija, ħafna affarijiet kellhom jitħallew xi ftit weqfin, anke peress li ma setgħux isiru ċerti laqgħat. 

YouTube video

Fuq kollox, iħoss li dak li wasslu biex jieħu dan il-pass kienet il-viżjoni tiegħu, li flimkien mal-Prim Ministru u mal-kumplament tat-tim jimplimenta din il-viżjoni, biex jara Partit Laburista li jiġġedded, li l-kunċett ta’ moviment ikompli jissaħħaħ, u li jitfassal il-futur ta’ dan il-pajjiż. Filwaqt li jemmen li fl-aħħar elezzjoni ġenerali l-Partit Laburista kellu manifest b’saħħtu, min-naħa l-oħra jħoss li trid tissokta d-diskussjoni, biex jinħolqu dejjem aktar politiki u ideat ġodda. Qal li l-partit ma jridx joqgħod biss ifaħħar lill-Gvern jew jikkritikah, iżda jkun parti mit-tim ta’ stakeholders fil-pajjiż, li b’mod oġġettiv jagħmel anke proposti u jressaq l-ideat tiegħu skont il-ħtieġa.

“Kruċjali li jkollna tim iffokat fuq l-andament tal-partit”

Mistoqsi dwar il-fatt li meta partit ikun fil-Gvern ma jkunx jista’ jiffoka fuq l-affarijiet tal-partit, Daniel Micallef qal li dan hu minnu, peress li l-ħidma tkun iffokata fuq il-Gvern. Jispjega li l-Gvern ikun iffokat li jesegwixxi u jieħu deċiżjonijiet ta’ kuljum fuq programm deċiż mill-poplu u anke fuq affarijiet li jinqalgħu. 

Għaldaqstant, Micallef iħoss li hu kruċjali li jkollok tim b’saħħtu, iffokat fuq l-andament tal-partit. Qal li jrid ikun hemm ħin u strutturi biex jaħdmu u jaħsbu, jiddiskutu l-ideat u jmorru lil hinn minn dak li l-poplu diġà ta mandat għalih. Sostna li filwaqt li l-manifest li l-partit ingħata l-mandat għalih irid jiġi implimentat, min-naħa l-oħra l-partit irid imur pass lil hinn u jibqa’ dik il-fabbrika tal-ideat u jkompli jiġġedded. 

Qal li dan m’għandux isir biss fuq il-karti, imma bi strutturi li jilħqu aktar nies, b’diskussjoni li tinvolvi firxa akbar ta’ nies u bi skrutinju, kemm għall-Gvern u anke tal-partit innifsu. 

Ideat dwar tibdil li għandu jsir

Daniel Micallef jistqarr li għandu ideat ta’ dak li jrid jinbidel fil-partit. Jispjega kif mal-andament tal-kampanja se jiltaqa’ mad-delegati u mal-attivisti tal-Partit Laburista, biex jispjegalhom l-ideat li qasamhom magħhom kemm-il darba. 

Hu jemmen li hemm bżonn riformi fil-mod kif jopera l-partit, kemm fuq livell lokali u anke ċentrali; hemm il-ħtieġa ta’ strutturi ġodda; u l-bżonn ta’ strutturi oħra li permezz tagħhom il-partit jiċċekkja u jibbilanċja l-affarijiet. Jgħid li anke fl-okkażjoni tal-100 sena minn mindu twaqqaf il-partit, mhux biss għandha ssir ħarsa lura b’nostalġija, iżda jkun meqjus għalxiex ġie mwaqqaf il-partit. Jispjega li filwaqt li ċ-ċirkostanzi nbidlu, il-valuri li fuqhom twaqqaf fil-partit iridu jidhru anke llum il-ġurnata fil-politika li qed jattwa llum. 

Jisħaq li l-Partit Laburista minn dejjem kien wieħed sinonimu max-xogħol, mal-ħaddiema u mal-ġustizzja soċjali. Għalhekk jgħid li filwaqt li l-prinċipji jibqgħu l-istess, huma bħala partit iridu jaraw kif se jistradaw il-politika, f’soċjetà differenti fejn ir-ritmu ta’ bidla hu aktar mgħaġġel. Jisħaq li llum il-ġurnata dan għandu jsir ukoll permezz tal-użu tat-teknoloġija biex bħala partit ikomplu jantiċipaw iż-żminijiet sakemm ikun possibbli. Jgħid li b’dan il-mod jibqgħu dejjem rilevanti u f’kuntatt man-nies. 

Il-governanza tajba

Mistoqsi dwar il-fatt li Gvern immexxi minn Robert Abela għandu l-mandat li jmexxi b’governanza tajba u allura kif dan se jiġi tradott anke fuq livell ta’ partit, Daniel Micallef qal li meta semma strutturi ġodda li joffru modi ta’ kontrolli u bilanċ, kien qed jalludi proprju għalhekk. 

Qal li meta jkun il-waqt se jispjega aktar fid-dettall dwar dan, iżda sostna li hu importanti li l-Partit Laburista jagħmel skrutinju tal-operat tal-Gvern, għax wara kollox hemm Gvern Laburista għax ħareġ mill-Partit Laburista. Għaldaqstant, jgħid li l-partit għandu r-responsabbiltà li dak li ħareġ minnu u l-mandat li ngħata mill-poplu li hu rifless fi Gvern Laburista, jara li jkun qed jitwettaq b’mod kontabbli, ġust u korrett. 

Daniel Micallef qal li Robert Abela diġà ħa numru ta’ deċiżjonijiet, bħalma għamlu wkoll l-istrutturi tal-partit, li wkoll ħadu diversi deċiżjonijiet fl-aħħar ġimgħat. Saħaq li dawn id-deċiiżjonijiet se jkomplu jittieħdu kulfejn hemm bżonn, għalkemm għamilha ċara li mhux se jitħalla min jipprova jmexxi xi aġenda li jispara lejn kulħadd bl-addoċċ u waddab it-tajn bl-addoċċ. Saħaq li bħalma l-Prim Ministru ħa d-deċiżjonijiet b’saħħithom li kellhom jittieħdu, bl-istess mod se jiddefendi lit-tim Laburista li għandu l-mandat biex imexxi l-pajjiż, u mhux se jħalli lil min irid jiddetta l-aġenda b’mod kontinwu f’dan il-pajjiż. 

Id-differenza bejn il-PL u l-PN

Daniel Micallef jispjega li n-nies m’għandhomx memorja qasira. Jgħid li hu qatt ma jagħmel l-argument li jekk għamel xi ħaġa ħażina allura jiddefendiha billi jgħid li ħaddieħor għamel bħalha. Jgħid li hu jimmilita fil-Partit Laburista għax jemmen li hu l-aqwa għodda għat-tmexxija u għall-futur tal-pajjiż. Min-naħa l-oħra, jistqarr li n-nies ma nsewx x’fama għandhom partiti oħrajn, għalkemm jgħid li din mhix konsolazzjoni. Jisħaq għalhekk li fejn hemm bżonn li jitranġa, il-Partit Laburista se jkun umli u jirranġah. 

Madankollu, Micallef jgħid li mbagħad hemm l-element ta’ kredibilità. Isemmi kif fil-Partit Nazzjonalista għad hemm nies li kienu parti minn gvernijiet mgħarrqa bl-iskandli, li ħadd minnhom ma refa’ responsabbiltà politika u wisq aktar legali. Barra hekk, jgħid li hemm ukoll element ta’ Oppożizzjoni li ma tafx xi trid u tispara. 

Semma eżempju kif il-Gvern imbarka fuq proċess mal-Kummissjoni Venezja biex jidħlu emendi għal-liġijiet ta’ pajjiżna fil-qasam tas-saltna tad-dritt. Semma kif il-Ministru Edward Zammit Lewis ressaq numru ta’ abbozzi fil-Parlament u eventwalment ġew ippubblikati rapporti li Malta ngħatat ċertifikat pożittiv dwar dan l-aspett. 

Hu qal li l-Oppożizzjoni filli semmiet din il-Kummissjoni u s-saltna tad-dritt, filli mbagħad meta ġew biex jaħtru l-kummissarju tal-Pulizija skont ma rrakkomandat il-Kummissjoni Venezja, kien hemm esponenti tal-Partit Nazzjonalista li qalu li l-kummissarju għandu jinħatar malajr u allura marru lura għall-proċedura l-antika. Saħaq li dan intqal minn ħadd ħlief is-segretarju ġenerali tal-Partit Nazzjonalista fi programm fuq ix-xandir nazzjonali. Kompla jsostni li għall-ewwel darba sar proċess ta’ skrutinju serju, kemm mill-Kummissjoni għas-Servizz Pubbliku, kif ukoll sar il-grill parlamentari, u l-Oppożizzjoni li abdikat minn dik ir-responsabbiltà. Għalhekk, Micallef iħoss li n-nies jibqgħu jħarsu lejn il-Partit Laburista għat-tweġibiet għax jafu li hu partit umli, fejn meta jiżbalja jammetti u meta jkun hemm x’jirranġa jirranġah.  

It-tellieqa għal Deputat Mexxej

Mistoqsi dwar kif se jsir il-proċess tal-elezzjoni għal deputat mexxej, 

Micallef qal li fil-konferenza ġenerali u f’kull appuntament elettorali intern tal-partit, ikun hemm il-kummissjoni elettorali li tieħu ħsieb il-proċess. Sostna li bħalma rajna ftit tax-xhur ilu fl-elezzjoni tat-tmexxija, anke issa se naraw l-istess fl-elezzjonijiet ta’ deputat mexxej għall-affarijiet tal-partit u tal-erba’ membri tal-amministrazzjoni. Spjega li l-kummissjoni diġà ħabbret il-proċess ta’ kif se jkun qiegħed jinħadem, fejn in-nomini nfetħu l-għada tal-konferenza, proprju l-Ġimgħa u jagħlqu l-Ħadd. Jgħid li mbagħad il-Kummissjoni tikkomunika in-nomini li jkunu daħlu għall-karigi rispettivi. 

Daniel Micallef qal li filwaqt li fl-elezzjoni tal-mexxej ivvotaw għall-ewwel darba anke l-membri eliġibbli tal-Partit Laburista, l-istatut jistipola li għal dawn il-karigi jivvotaw id-delegati tal-partit u mhux il-membri wkoll. Jispjega li l-proċess ikompli fil-25 ta’ Lulju fejn ikun hemm l-elezzjoni u fis-26 ta’ Lulju ssir il-konferenza ġenerali, b’sessjoni plenarja li tagħlaq il-proċess. Il-votazzjoni fil-25 ta’ Lulju tagħlaq fit-3.00 p.m. u l-kummissjoni elettorali mbagħad tagħmel ix-xogħol rispettiv tagħha tal-għadd tal-voti u tat-tħabbir tar-riżultati. 

Minn President għal Deputat Mexxej

Mistoqsi dwar il-bidla li minn President issa jkun Deputat Mexxej, Miicallef qal li hu mgħallem u magħġun biex li jkun hemm bżonn fil-partit jagħmlu. Qal bi tbissima li ftit tal-jiem ilu kien hemm bżonn li joqgħod waiter f’festin tat-tfal, u wara li qagħad ħassu kuntent ħafna. Għalhekk qal li hu lest biex li jkun hemm bżonn jagħmlu. 

Micallef stqarr li filwaqt li hemm demarkazzjoni tar-responsabbiltajiet bejn kariga u oħra, min-naħa l-oħra, dak li dejjem esperjenza fl-aħħar snin fl-amministrazzjoni tal-partit kienet proprju l-kelma li hu għażel biex jipproġetta din il-kandidatura; jiġifieri l-Flimkien u l-kollettiv. 

Spjega kif bħala tim u amministrazzjoni, dejjem ħadmu flimkien biex jipproġettaw l-affarijiet, jippjanaw u jieħdu r-responsabbiltajiet. Semma kif bħala deputat mexxej, jekk jingħata l-fiduċja, ir-responsabbiltajiet tiegħu jkunu differenti, iżda sostna li bis-sistema tiegħu hu dejjem jinvolvi kemm jista’ nies, għax iħoss li aktar jista’ jsir xogħol. Imbagħad jgħid li fl-aħħar mill-aħħar hemm responsabbiltajiet li jrid iġorr, bħalma kien hemm fil-kariga li jokkupa u li ġarr. Daniel Micallef iħoss li n-nies dan irrikonoxxewh u kien għalhekk li bagħtulu tant messaġġi. Jisħaq li apprezza dan il-ġest, għalkemm jistqarr li bħala politiċi ma jaħdmux biex jieħdu l-grazzi, iżda għax iħobbu lill-Partit Laburista, bħalma jħobbuh ukoll il-partitarji u l-attivisti kollha.

Ekonomija

Sport