Monday, May 26, 2025

“Nemmen li l-proposti għall-Ewtanasja assistita huma riġidi żżejjed”

- Jason Micallef

Aqra wkoll

L-eks Segretarju Ġenerali tal-Partit Laburista, Jason Micallef meta kkummenta dwar il-white paper li għandha l-propost li ddaħħal id-dritt volontarju tal-Ewtanasja assistita, qal li jemmen li l-proposti preżentati huma riġidi żżejjed”.

Meta kkummenta qal li “għalfejn naqbel mad-dritt volontarju tal-Ewtanasja assistita? Bħalissa l-gvern għaddej b’perjodu ta’ laqgħat informattivi u diskussjoni, fuq il-white paper li ġiet ippreżentata dwar il-proposta fuq l-introduzzjoni f’pajjiżna tad-dritt volontarju tal-Ewtanasja assistita f’pajjiżna.  Fil-fehma tieghi, il-white paper ippreżentata fuq id-dritt volontarju tal-Ewtanasja assistita saret b’galbu, bi prudenza, u b’serjetà kbira, u qed jipproponi b’mod ewlieni dan li gej:  Id-dritt volontarju tal-Ewtanasja assistita sa sitt xhur għall-persuna li tkun iċċertifikata b’marda terminali minn tliet professjonisti. 

Dawn jinkludu tobba, professuri, u professjonisti oħrajn fis-settur fosthom, psikologi.  Li tkun biss il-persuna marida terminali li tista’ titlob bil-fomm għad-dritt tal-Ewtanasja assistita quddiem bord ta’ professjonisti, u ħadd aktar. Il-genituri, koppji miżżewġin, sħab f’relazzjoni u oħrajn ma jkollhomx id-dritt li jagħmlu t-talba huma f’isem il-pazjent.

Persuni b’diżabilità severa ma jkollhomx id-dritt għall-Ewtanasja assistita. Lanqas kwalunkwe tip ta’ mard serju ieħor minkejja tbatijiet kbar li jkunu għaddejjin minnhom il-pazjenti minħabba l-marda kiefra li tkun ħakmithom. Dan jinkludi pazjenti għomorhom f’sodda.”

Jason Micallef qal ukoll li “l-persuna li titlob għad-dritt tal-Ewtanasja assitita tingħata ċ-ċans ta’ ammont ta’ żmien biex  tirrifletti fuq id-deċiżjoni li tkun ħadet.  Persuni morda terminali li jkollhom diffikultajiet kbar biex jikkomunikaw, ma jingħatawx id-dritt volontarju tal-Ewtanasja assistita.  Fil-white paper ippreżentata hemm proposti oħrajn.

Li kieku kelli nikkritika dak propost fil-white paper, ikun il-fatt, li l-proposti għall-Ewtanasja assistita huma riġidi żżejjed. Fosthom, kif jista’ jkun li pazjent marid terminalment bla ma jista’ jikkomunika, ma jingħatalux hu jew hija wkoll dan id-dritt? Ċertament li hawn irid jinstab mezz professjonali fuq kif persuna li ma tkunx tista’ tikkomunika minħabba l-marda terminali li jkollha, ma tiċċaħħadx mid-dritt volontarju tal-Ewtanasja assistita”.

Enfasizza li “bqajt impressjonat bl-ammont ta’ maturità li l-poplu laqa’ u qed jiddiskuti l-proposta tal-gvern għad-dritt volontarju tal-Ewtanasja assistita. Personalment ilni s-snin favur dan id-dritt, imsaħħaħ mill-fatt ta’ esperjenzi personali fosthom, il-marda kiefra u terminali li ħasdet lill-missieri snin ilu. It-tbatija, is-sofferenzi, u n-nuqqas ta’ dinjità kbira li għadda minnhom missieri xhur sħaħ ġo qiegħ ta’ sodda l-isptar, ma nixtieqhomx lanqas fuq l-akbar għadu tiegħi. Għat-tbatija u s-sofferenzi ma teżisti l-ebda glorja jew ġenna. 

Dak li qed jipproponi l-gvern mhux qtil, jew mewt, imma dritt fundamentali li għandu jkollha persuna li ttemm it-tbatijiet u s-sofferenzi tal-marda terminali sitt xhur biss qabel il-mewt tal-istess persuna. Personalment anke hawn inħoss li l-proposta tal-gvern hi riġida żżejjed. Nemmen li l-perjodu ta’ sitt xhur talanqas għandu jitla’ għal sena.”

Ikompli jgħid li “nittama li d-diskussjoni tibqa’ għaddejja b’saħħitha u matura kif kellna s’issa. Nittama wkoll li l-Gvern ikollu l-kuraġġ li wera s’issa, u meta d-diskussjoni pubblika, wiesgħa, tiġi fi tmiemha, il-white paper kif emendata wara dan il-perjodu, tmur għad-diskussjoni fil-Parlament, bit-tama li d-dritt volontarju tal-Ewtanasja assistita tkun rikonoxxut għall-ewwel darba f’liġi, u allura legali f’pajjiżna.”

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport