Minn Cristian Muscat

Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn iż-żfin?
L-imħabba tiegħi lejn l-izfin bdiet minn eta żgħira. Il-papa tiegħi kien artist, allura jiena trabbejt imdawra bl-arti u għallimni napprezza l-arti f’kull forma. Filfatt ta’ sbatax il-sena, wara li lestejt l-iskola post-sekondarja u l-A Levels u wara diversi snin nitgħallem l-izfin għand Tanya Bayona Princess Poutiatine Academy of Ballet taħt il-gwida ta’ Ms Tanya Bayona, komplejt l-istudji tiegħi fl-izfin fil- Libera’ Universita’ di Danza e Teatro ġewwa Mantova, l-Italja.
Ħa mmur mal-ewwel għall-punt. X’tikkummenta fuq is-suċċess li ksibtu riċentement bħala klabb fil-Global Dance Open f’Birmingham, l-Ingilterra?
Ninstab kuntenta mmens u kburija li l-istudenti ta’ Johane Casabene Dance Conservatoire kisbu suċċess fost ‘il fuq minn elfejn u seba mitt żeffien/a minn madwar id-dinja li ħadu sehem fil-finali tal-kompetizzjoni Global Dance Open 2025 ġewwa Birmingham, l-Ingilterra. Kburija ferm ukoll bir-riżultati u suċċessi li kisbu l-istudenti kollha li pparteċipaw fil-Qualifiers ta’ Global Dance Open 2025 f’Malta.
Liema stil ta’ żfin l-aktar li tippreferi u għaliex?
Minkejja li nħobb diversi stili ta’ zfin, l-aktar stil għall-qalbi huwa l-ballet. Il-vjaġġ tiegħi bħala żeffiena u aktar tard bħala għalliema beda hemmekk u dak huwa l-aktar stil li ngħozz.
X’tippreferi u x’inhu dak li jagħtik l-aktar sodisfazzjon – tiżfen int, jew tkun parti mill-korjografija?
Illum il-ġurnata nilbes il-kappell ta’ għalliema u korjografa fejn ngħati l-ispazju lil-ġenerazzjoni l-ġdida ta’ żeffiena u s-sodisfazzjon tiegħi huwa li nwitti t-triq għall-dawk li jixtiequ jiksbu karriera fl-izfin.
Iż-żfin huwa arti jew sport – jew it-tnejn li huma amalgamati flimkien?
Prinċiparjament huwa arti, iżda niżbaljaw meta ma nqisux il-ħtieġa fiżika li jirrikjedi ż-żfin. Jeħtieġ siegħat twal ta’ training u ħidma sabiex tilhaq il-livell mistenni għall-futur fl-izfin.
Iż-żfin kemm jgħin biex il-bniedem jikber b’mod ħolistiku fil-ħajja?
Nemmen li permezz taż-żfin, l-individwu jieħu l-għodda neċessarji għal-ħajja fuq il-palk kif ukoll lil hinn minnu. Iż-żfin jgħaqqad taħriġ tekniku ma’ espressjoni kreattiva, tagħlim kulturali, u żvilupp personali.
X’kunfidenza jagħti lill-bniedem iż-żfin f’dak li għandu x’jaqsam ma’ stima tiegħu nnifsu?
- Iż-żfin jgħin lill-bniedem jesprimi ruħu aħjar u jegħleb il-biża, speċjalment fejn wieħed ikun irid jizfen quddiem udjenza, għalhekk wieħed jitgħallem iħossu aktar sod, kuraġġuż u kapaċi.
Kemm huwa importanti li qabel żifna, tipprepara ruħek mhux biss fiżikament iżda wkoll psikoloġikament?
Iż-żfin jirrikjedi konċentrazzjoni, kontroll u stabbilta emozzjonali. Moħħ ċar jgħinek tesprimi ruħek aħjar u tħossok aktar kunfidenti u preżenti waqt l-eżekuzzjoni.
Kemm hija importanti dieta tajba għal żeffien?
Dieta tajba hija essenzjali għal żeffien għax tagħti enerġija, saħħa u reżistenza. Ikel bilanċjat jgħin fil-fehmiet mentali, jnaqqas riskju ta’ injury, u jżomm il-ġisem f’qagħda ottima għat-taħriġ u l-prestazzjoni.
Kif tipprepara ruħek minn diversi aspetti qabel żifna?
Fiżikament isir warm-up tajjeb għaliex l-għodda prinċipali ta’ zeffien huwa l-ġisem, ukoll ikun hemm preparazzjoni psikoloġika fejn wieħed jibni dik l-għaqda bejn il-ġisem u l-moħħ.
Kemm tħoss li ż-żfin jgħin biex il-bniedem jesprimi lilu nnifsu b’mod tajjeb u jikkomunika mal-oħrajn?
Iż-żfin jgħin ħafna fil-komunikazzjoni non-verbali fejn wieħed jitgħallem jesprimi ruħu mingħajr l-użu tal-kliem. Meta tkun ġo klassi jew qed taħdem ma grupp fuq xi korjografija, iz-zfin jgħinek tesprimi ruħek u taħdem ma ħaddieħor u jibnilek relazzjoni tajba mal-grupp.
Ġieli għaddielek minn moħħok li tmur tgħix barra minn Malta u hemmhekk tgħix biss permezz taż-żfin?
Fil-passat għamilt diversi snin nitħarreġ ġewwa l-Italja, Pariġi u Londra. Illum, minħabba l-obbligi tiegħi lejn il-familja u l-istudenti, mgħandix pjanijiet li nerġa mmur ngħix barra minn Malta. Iżda għadni u nibqa nsiefer ta’ spiss sabiex nibqa nitħarreġ fuq l-izviluppi li qed isiru barra minn Malta u biex inkompli nitgħallem sabiex ngħati l-aħjar li nista lill-istudenti tiegħi.
Taħseb li f’Malta għad jasal żmien fejn wieħed ikun jista’ jgħix esklussivament permezz taż-żfin?
Iva, nemmen li l-opportunitajiet lokali għall-żeffiena żdiedu ħafna fejn illum ukoll għandna kumpaniji tal-izfin ta’ kalibru għoli. Bħala għalliema, jiena ukoll ngħix esklussivament permezz taż-żfin.
Għaddi messaġġ lil dawk it-tfal u/ jew żgħażagħ li jixtiequ jagħmlu karriera ta’ suċċess fiż-żfin.
Il-messaġġ li nixtieq ngħaddi huwa li t-tfal u żgħażagħ Maltin m’għandhomx jaqtgħu qalbhom jew iħossuhom inferjuri għall-studenti taz-zfin barra minn Malta għaliex nemmen li hawn ħafna talent f’dan il-pajjiz u bil-gwida meħtieġ huma kapaċi daqshom u anke iktar.
Meta nara eks studenti li rnexxew fil-karriera tagħhom bħala żeffiena u ukoll min forsi mhux neċessarjament ikompli fiz-zfin iżda t-taħriġ tagħhom fiż-żfin jibqa dejjem ta’ sostenn kbir għal ħajjithom kollha. Jiena nemmen li min verament għandu dixxiplina, determinazzjoni u dedikazzjoni għall-arti kapaċi jasal fejn tassew jixtieq u jixraqlu!