Thursday, April 18, 2024

“Nemmen li persuna li titħarreġ bla ma tabbuża ma tmut qatt”

Pawlu Grima magħruf aħjar bħala Mr Cool

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

“Skoprejt li kelli din is-saħħa meta kelli madwar 44 sena. Kien hemm wieħed joħroġ man-neputija tiegħi, kien jiġbed affarijiet bħalma għadni nagħmel jiena, u dak iż-żmien kont urejt l-interess. Komplejt inżid fl-interess u bdejt nagħmel bħalu. Illum il-ġurnata jien għadni sejjer u hu waqaf għax bejn xogħol u impenji oħra ma kompliex. Għalija bil-ħila tiegħu llum jien nista’ ngħin aktar persuni fil-bżonn.

Jien għalija għandi 72 sena, ma niddejjaqx ngħid li minkejja li mfarrak u mkisser għadni għaddej u s-sigriet huwa wieħed għax jien bqajt dejjem konsistenti fit-taħriġ. Jekk dak li jkun jieħu t-taħriġ b’serjetà u fl-istess waqt ma’ tabbużax mil-limiti niggarantilek jien li tixjieħ u ma tmut qatt.

Madwar sentejn ilu waqaft minħabba l-pandemija u anke kont sofrejt xi ġrieħi wara li waqajt minn sular għoli. Kont ksirt 14-il kustilja, kelli 13-il punt f’rasi u spiċċajt bil-ħadid f’dahri.  

Nirringrazzja lill-Alla li tliet xhur biss wara l-inċident bdejt nitħarreġ fejn fost l-oħrajn irnexxieli nkisser il-kantun fuq l-istonku tiegħi u fuq rasi kif ukoll bdejt niġbed xi affarijiet oħra bil-mod. M’għandix kliem biex nirringrazzja pubblikament lil dawk kollha li f’dak il-perjodu diffiċli bagħtuli  u wrewni s-sapport tagħhom. Bid-determinazzjoni u bl-imħabba li wrewni n-nies f’dawk il-ġimgħat sibt il-kuraġġ biex inkompli fejn ħallejt u nittama li l-bambin jagħtini s-saħħa biex inkomplu ngħinu kemm jista’ jkun lil dawk fil-bżonn.

Bħala saħħa nħossni li ġejt b’saħħti bħalma kont imma x’aktarx li qed jiġrili hu li minħabba li għandi l-ħadid f’dahri qiegħed imissli man-nerv ta’ dahri u għandi saqajja nħosshom qishom ftit imtarrxin.

Kelli f’moħħi wirja li jkun hemm karozza li tgħaddi minn fuq l-istonku tiegħi. Wirja oħra li xtaqt nagħmel kienet li nipprova nirreżisti daqqa ta’ karozza ġejja bil-15-il Kilometru ovjament għal fuq xi tip ta’ saqqu jew ilqugħ skont il-miżuri ta’ prekawzjoni li nieħdu ħsieb li jkollna meta norganizzaw dawn il-wirjiet. Ovjament issa meta nikkunsidra l-età tiegħi u dak li għaddejt minnu fl-aħħar xhur ma nistax nwettaq dawn il-wirjiet.”

Ekonomija

Sport