Minn Cristian Musat
Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-beach soccer?
Il-beach soccer bdejt nilgħabu erba’ staġuni ilu, fi żmien li kont nagħmel parti mit- tim tal-Minors ta’ Ta’ Xbiex FC u ddeċidew bħala klabb li jidħlu fil-kampjonat. Sa mill-ewwel sena ħassejt li dan l-isport huwa xi ħaġa li nixtieq nikber u nesplora u fit-tieni sena tiegħi ffurmajt parti mit-tim ta’ Ta’ Xbiex li rbaħna l-kampjonat. Mnin hemmhekk iddeċidejt li l-beach soccer kien l-isport għalija.
Ħa mmur mal-ewwel għall-punt. X’tikkummenta fuq ir-rebħ tal-kampjonat tal-beach soccer minn Sliema Beach Soccer fil-jiem li għaddew?
Jien nemmen li r-rebħ tal-kampjonat kien wieħed meritat u frott ta’ ħafna sagrifċċji li għamilna matul is-sena u mhux sempliċiment fix-xahar tal-kampjonat. Ħafna mill-plejers tagħna jilagħbu l-isport man-nazzjonal kif ukoll għandna plejers jilagħbu fis-Serie A tal-beach soccer fl-Italja, allura aħna nagħmlu dan l-isport prijoritá tagħna. Apparti minn aspett ta’ sagrifiċċju, nemmen li anke bħala prestazzjonijiet mill-gruppi urejna li kapaċi nirbħu lil kulħadd hekk kif għelibna kull tim minn tal-inqas darba.
X’tikkummenta b’mod partikolari fuq il-finali li fiha għelibtu lil Hamrun SC Beach Soccer bl-iskor ta’ 7-6?
Bħal kull finali, kull wahda jkollha l-istorja tagħha. Nemmen li kienet waħda mill-isbaħ finali fl-aħħar ħames snien u kienet bejn żewġ timijiet ta’ kwalitá għolja ħafna. Il-punt li nemmen li kien favurina kien li mill-bidu sal-aħħar dejjem konna fuq quddiem u żammejna l-kontroll tal-logħba.
Iddeskrivi r-rwol tiegħek bħala captain ta’ Sliema Beach Soccer.
Meta tkun captain ta’ tim ta’ 23 sena mhijiex faċli … xi drabi diffiċli biex tigbed l-attenzjoni ta’ min hu forsi iktar rinomat fid-dinja tal-futbol, peró jien dejjem emmint fl-esperjenza tiegħi fl-isport, u naħseb li għalkemm bħal kull tim kellna l-problemi tagħna, sal-aħħar logħba rnexxielna nagħqdu t-team aktar flimkien. Bħala captain għalija dik dejjem kienet il-prijoritá, li għandi tim magħqud, determinat u grintuż.
Iddeskrivi l-esperjenza passata tiegħek fil-futbol, u din kemm tgħinek fil-beach soccer.
Il-futbol jgħinek ħafna biex tkun kapaċi tiffunzjona ġo tim kif ukoll jikkontribwixxi ħafna fil-mod tekniku. Dan għaliex il-bażi fundamentali tal-beach soccer huwa l-kontroll tal-ballun. Ovvjament jekk tagħmel żmien twil tilgħab il-futbol, jgħinek biex taqbad it-teknika tal-logħba ħafna iktar malajr.
X’tikkummenta fuq l-esperjenza tiegħek mat-tim nazzjonali Malti tal-beach soccer?
L-esperjenza tiegħi fil-beach soccer mat-tim nazzjonali malti s’issa minn aspett personali kienet waħda pożittiva. Irnexxieli nikkontribwixxi seba’ gowls fi 12-il logħba kompetittivi li ta’ etá żgħira tefgħatni fil-post tal-aqwa skorer. Peró, mill-aspett tat-tim sfortunatament s’issa għadna ma lħaqniex it-tragward tagħna u dik għalija hija l-ikbar prijoritá. It-tragward tagħna huwa wieħed sempliċi – li nibdew nirbħu l-logħob, intejbu r-rankings tagħna u naslu iktar meta mmorru kompetizzjonijiet barra minn xtutna.
X’tikkummenta fuq il-livell tal-beach soccer f’pajjiżna?
Il-livell tal-beach soccer f’pajjiżna minn 3-4 snin ilu għola drastikament fl-opinjoni tiegħi Fejn qabel kien jintlagħb “futbol fuq ir-ramel” issa qed tintlagħab il-logħba proprja u dan kien kollu permezz tal-plejers Maltin li ħdimna qatigħ biex ngħollu l-livell tagħna personali, kif ukoll plejers barranin li l-klabbs qed iġibu li qed irawmuna fil-logħba.
U rigward ir-riżorsi jiġifieri fejn tillagħbu l-beach soccer fil-Bajja s-Sabiħa f’Birzebbugia?
Il-grawnd ta’ Birzebbugia fl-opinjoni tiegħi huwa wieħed sabiħ ħafna bħala post, peró huwa naqra skars f’ċerti affarijiet. Eżempju wieħed huwa l-fatt li r-ramel huwa baxx ħafna meta kkomparat ma’ fejn nilagħbu internazzjonalment. Allura ovvjament meta nsiefru, nispiċċaw f’ambjent differenti u nbatu. Dan filwaqt li m’għandinex bini jew premises ieħor fejn wieħed jista’ jew iħalli apparat eċċ. Jien nemmen li hemm ħafna potenzjal u nħeġġeġ lill-awtoritajiet rispettivi sabiex jiġbdu ħabel wieħed u jsir l-investiment li Birzebbugia u l-isport ħaqqhom. Nifhem li dawn huma affarijiet li jieħdu ħafna ħin u dedikazzjoni peró dejjem importanti li nimxu ‘l quddiem anke jekk ikunu passi żgħar.
Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek fil-beach soccer?
Kif semmejtlek qabel jien għad għandi 23 sena. Narani pjuttost żgħir għaliex f’dan l-isport plejers jibqgħu jilagħbu sa 35-40 sena. Nemmen li s’issa personalment ilħaqt livell tajjeb peró għandi ħafna fejn irrid naħdem speċjalment minn aspetti fiżiċi. Nixtieq li jekk dejjem niġi aċċettat inkompli ntejjeb il- livell tiegħi u nilħaq it-tragward personali tiegħi f’ħajti li nirbaħ Tazza mat-tim nazzjonal Malti – dik dejjem tibqa’ l-mira tal-karriera tiegħi!
Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jjibda jilgħab il-beach soccer.
Jien inħeġġeġ lil kull min għandu interess fl-isport biex jikkuntattja klabbs, sħabu, staff tal-Malta Beach Soccer Association (MBSA), sabiex jibda t-triq tiegħu fl-isport. Bħala komunitá aħna nies li dejjem inħeġġu plejers ġodda biex jingħaqdu magħna u dejjem lesti ngħinu lil xulxin sabiex ngħollu l- livell ta’ kulħadd!