Friday, April 19, 2024

“Nemmen li ż-żgħażagħ jistgħu jkunu l-ixprun ewlieni ta’ bidla lejn is-sostenibbiltà”

Carmen Cachia
Carmen Cachia
Ġurnalista

Aqra wkoll

Fil-ġimgħa ddedikata għall-Iżvilupp Sostenibbli Ewropew 2021 bit-tema “Għal Tkabbir Reżiljent, Ekoloġiku u Inklussiv”, il-Ministru tal-Enerġija, Intrapriżi u Żvilupp Sostenibbli, Miriam Dalli, ħabbret proġett pilota fiż-Żurrieq.

Permezz ta’ dan il-proġett ġdid li mistenni jinfirex f’lokalitajiet oħra f’Malta u Għawdex, dawk iż-żgħażagħ li għandhom il-ħolma li jiftħu negozju mnebbaħ bis-sostenibbiltà se jingħataw għajnuna, assistenza u gwida. 

Il-Ministru Dalli qalet li dan il-proġett ippjanat favur komunitajiet sostenibbli, jgħaqqad flimkien firxa wiesgħa ta’ għaqdiet, stakeholders differenti u li sar anke grazzi għal ideat miż-żgħażagħ. Flimkien qegħdin jaraw ideat ġodda sostenibbli fil-qasam imprenditrojali. 

Permezz tiegħu s-sostenibbiltà se tersaq eqreb lejn il-pubbliku ħalli permezz ta’ inċentivi u miżuri, kulħadd ikun jista’ jagħti sehmu lejn bidla sostenibbli. Hija saħqet fuq l-importanza li nrammu lit-tfal u liż-żgħażagħ tagħna, kif ukoll li nassistu liż-żgħażagħ għax temmen li bl-ideat tagħhom, iż-żgħażagħ jistgħu jkunu l-ixprun ewlieni ta’ bidla lejn is-sostenibbiltà.

Il-Ministru Dalli qalet li dan il-proġett huwa ħidma fil-komunitajiet li fiha se jippruvaw jilħqu żgħażagħ b’ideat ġodda li jgħinu s-sostenibbiltà fejn se jingħataw gwida u mentoring fil-prattika. F’kull lokalità nsibu diversi negozji tal-familji li maż-żmien evolvew u saru kumpaniji kbar fil-pajjiż. Hija qalet li dawn jistgħu jservu ta’ mudell għaż-żgħażagħ billi jagħtuhom gwida, inkoraġġiment u direzzjoni biex jilħqu l-ambizzjonijiet tagħhom fejn se jkollna għaqdiet taż-żgħażagħ u impredituri flimkien.

“L-idea nibtet minn diversi laqgħat li kellna. Irridu nġibu liż-żgħażagħ b’ideat innovattivi viċin l-imprendituri li jistgħu jagħtu l-esperjenza tagħhom lil dawk iż-żgħażagħ li jkollhom ħsieb li jiftħu negozju bi żvilupp sostenibbli. Dawn iż-żgħażagħ li kulma jkollhom bżonn hija assistenza, gwida, ftit inkoraġġiment u direzzjoni prattika se tingħata minn imprendituri stabbiliti u bi snin ta’ esperjenza,” spjegat il-Ministru Dalli. Din l-għajnuna se tibda forma ta’ sessjonijiet ta’ informazzjoni mill-14 ta’ Ottubru. 

Il-Ministru Dalli qalet li jridu li dan il-proġett jinfirex f’aktar lokalitajiet fejn imprenditur minn lokalità partikolari jgħin liż-żgħażagħ f’dik il-lokalità u l-madwar. Żiedet tgħid li, “b’dan il-mod inlaqqgħu liż-żgħażagħ ma’ imprendituri fil-lokalità tagħhom”.

Hija qalet li dan il-proġett pilota jorbot tajjeb ħafna mal-ġimgħa Ewropea għall-Iżvilupp Sostenibbli għal diversi affarijiet fosthom jolqot liż-żgħażagħ, l-edukazzjoni, l-intrapriża u l-iżvilupp sostenibbli.

Matul dawn il-ġimgħat Malta se tkun qiegħda tingħaqad ma’ pajjiżi Ewropej f’inizjattivi varji mtella’ minn għaqdiet differenti biex ilkoll ikomplu jippromwovu u jżidu l-għarfien fuq is-17-il mira li hemm imniżżlin fl-miri għal żvilupp sostenibbli tal-Ġnus Magħquda.

Flimkien ma’ miżuri li kontinwament qegħdin ikunu mħabbra, il-Ministru Dalli qalet li b’kollaborazzjoni mal-Kunsilli Lokali u għaqdiet mhux goverrnattivi (NGOs), se jkomplu jkabbru l-għarfien biex il-messaġġ fuq is-sostenibbiltà jasal għand kulħadd. Hija qalet li huwa għalhekk ta’ pjaċir għaliha meta tara diversi inizjattivi li se jimmarkaw b’xi mod din il-ġimgħa Ewropea. 

L-inizjattivi jvarjaw u huma fost uħud li qegħdin isiru bħala kampanja ta’ għarfien li jinkludu għafrien kontra l-vjolenza fuq nisa b’diżabbiltà, pjattaformi online fejn kumpaniji jippromwovu prodotti sostenibbli u anke favur l-ambjent, kif ukoll tagħrif kif proġett ikun verament sostenibbli.  

Il-Ministru Miriam Dalli min-naħa tagħha ħeġġet lil kulħadd biex jingħaqad flimkien u joħroġ b’inizjattivi ġodda bil-għan li, “is-sostenibbiltà verament issir prinċipju li nimplimentaw f’kull qasam tal-ħajja tagħna. Naħdmu flimkien b’mod kollettiv għal bidla sħiħa lejn aktar sostenibbiltà f’kull aspett f’pajjiżna. Nittama li dan il-proġett pilota jkun suċċess, li jattira ammont ta’ żgħażagħ li jridu jiżviluppaw intrapriża sostenibbli u li jirnexxielna nkomplu dan il-mudell billi nirreplikawh fil-gżejjer Maltin”. 

Sport