Mistoqsi dwar is-surveys li jsiru u kif se jkun jilħaq il-faxxa ta’ indeċiżi waqt id-dibattitu tal-lejla bejn Adrian Delia u Alex Borg, Adrian Delia stqarr li meta nitkellmu dwar l-indeċiżi nkunu qed nirreferu għal dawk li l-aktar qed jaħsbu, li jixtarru u li ma jinġarrewx mal-kurrenti jew ’l hawn jew ’l hinn.
Huwa sostna li f’din l-elezzjoni għall-Kap tal-PN huma t-tesserati li jridu jiddeċiedu. Qal li f’dawn l-aħħar tmien ġimgħat ta’ kampanja skontu msaħħa u msejsa fit-tmien snin ta’ servizz tiegħu lejn il-Partit Nazzjonalista u lejn pajjiżu ħafna raw li waħda mill-karatteristiċi ewlenin tiegħu – il-perseveranza u l-abbiltà li jemmen anke meta kollox li jidher li huwa impossibbli u semma fost oħrajn il-kawża tal-Vitals.
“Nemmnu li flimkien jekk persuna waħdu rnexxielu jġib l-isptarijiet, nemmnu li għandna nagħmlu din il-bidla għal pajjiżna, nemmnu li l-PN għandna nerġgħu nagħmluh rebbieħ. Tajjeb li naraw is-surveys imma nemmnu bis-sħiħ b’konvinzjoni u naħdmu b’perservenza dak li l-partit jaħdem għalih, biex ikun fil-Gvern,” qal Delia.