Il-GWU tawgura lill-Clifton Grima għall-ħatra l-ġdida tiegħu bħala Ministru tal-Edukazzjoni u Sport
Clifton Grima huwa l-Ministru tal-Edukazzjoni l-ġdid. Dan tħabbar mill-Prim Ministru Robert Abela fi tmiem il-ġimgħa wara li din il-pożizzjoni, proprju fiż-żmien il-vaganzi tal-Milied tal-istudenti, ġiet vakanti minħabba r-riżenja ta’ Justyne Caruana. Il-ħatra l-ġdida ta’ Clifton Grima, li tgħaqqad il-Ministeru tal-Edukazzjoni u Sport, ġiet milqugħa mill-istakeholders kollha, inkluża s-Sezzjoni tal-Edukazzjoni fi ħdan il-GWU, li ferħet lill-Ministru Grima għall-ħatra l-ġdida tiegħu b’awgurju ta’ tmexxija b’ħarsien ta’ ekwità soċjali li jħaddnu l-valuri tal-ġustizzja.
F’kumment li ta lil talk.mt ir-rappreżentant tas-Sezzjoni ta’ Edukazzjoni fi ħdan il-GWU, Gabriel Pullicino, qal li, “bħalma mexxa lis-Segretarjat b’mod konsistenti u pożittiv, hekk tant ieħor nemmnu li se jkun qiegħed imexxi l-Ministeru tal-Edukazzjoni u Sport”.
Fid-dawl ta’ dan, Pullicino qal li dan kollu jista’ biss isir jekk l-edukaturi jitpoġġew fil-qalba tal-edukazzjoni.
Il-Ministru Grima qabel il-ħatra l-ġdida tiegħu kien qiegħed iservi bħala Segretarju Parlamentari għall-Isport, ir-Rikreazzjoni u l-Organizzazzjonijiet Volontarji.
F’kumment li tella’ fuq il-midja soċjali l-Ministru Clifton Grima qal li huwa onorat li ġie fdat b’responsabbiltà tant importanti li minnha jiddependi l-preżent u l-futur tal-istudenti tagħna u wiegħed ħidma bla heda għal riżultati importanti fil-qasam tas-settur edukattiv inkluż dak sportiv.