Sunday, November 10, 2024

“NEMMNU TOTALMENT F’DAK LI QEGĦDIN NAGĦMLU”

Il-Prim Ministru jsostni li l-gvern se jibqa’ jaqdi rwol kruċjali biex l-ekonomija ta’ pajjiżna tibqa’ tikber

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

“Gvern immexxi minni jemmen totalment f’dak li qed nagħmlu.” Iddikjara dan il-Prim Ministru Robert Abela waqt intervista fuq One Radio li fiha saħaq dwar żewġ temi li saħħew il-kredibbiltà ta’ tal-gvern f’dawn l-aħħar snin. Abela qal li l-istabbiltà u s-sostenibbiltà wasslu għal riżultati daqstant pożittivi fejn tidħol l-ekonomija tal-pajjiż. Dawn ir-riżultati mhux biss kellhom impatt pożittiv fuq il-kwalità tal-ħajja tal-poplu Malti u Għawdxi, iżda kienu saħansitra rikonoxxuti minn aġenziji ta’ klassifikazzjoni tal-kreditu awtonomi bħalma hija Standards and Poor’s (S&P).

Il-Prim Ministru tkellem dwar il-prospetti daqstant pożittivi maħruġa fir-rapport ta’ S&P li minkejja pressjonijiet kontinwi internazzjonali klassifikat lil pajjiżna bħala A-. Abela qal li dawn ir-riżultati ma jiġux mix-xejn u li huma riżultat ta’ deċiżjonijiet li kien kapaċi jieħu dan il-gvern f’mumenti daqstant kruċjali. Huwa fakkar dwar il-pjan ta’ dan il-gvern li minkejja kważi tliet snin ta’ sfidi internazzjonali kbar bħalma kienu l-pandemija u l-invażjoni tar-Russja fl-Ukrajna, kien kapaċi joħroġ miżuri li jwieżnu lin-nies. Tkellem dwar kif amministrazzjoni Nazzjonalista rat żieda qawwija fil-qgħad u r-rata tal-inflazzjoni minħabba li għażlet li quddiem sfidi internazzjonali, tixħet il-piż fuq in-nies. 

Il-Prim Ministru tkellem dwar ir-riaffermazzjoni tal-klassifikazzjoni ta’ S&P li hija riżultat ta’ tkabbir ekonomiku li baqa’ b’saħħtu anke quddiem dawn l-isfidi globali. Rigward is-settur turistiku, li l-gvern iqisu bħala l-ispina tal-ekonomija tal-pajjiż, Abela qal li, anke bl-inċentivi mogħtija mill-gvern, il-prodott turistiku ġie msaħħaħ u dan kien kruċjali biex ir-rota ekonomika ta’ pajjiżna tibqa’ ddur, f’mumenti fejn pajjiżi b’ekonomiji ferm ikbar spiċċaw staġnaw.

Sostna li biex dan is-settur jibqa’ b’saħħtu jeħtieġ li l-poplu Malti u Għawdxi jikkopera billi jgħin biex nagħtu stampa li tixraq lil pajjiżna f’dak li hu l-prodott Malta. Saħaq dwar il-bżonn li pajjiżna jżomm l-indafa pubblika bħala prijorità fl-aġenda tiegħu. Qal li l-ewwel ma tiekol hija l-għajn u li għalhekk jeħtieġ li pajjiżna jinżamm kemm jista’ jkun nadif. Riżultat tas-sehem ta’ kulħadd f’din l-aġenda, inkunu nistgħu ngawdu minn pajjiż aktar nadif għal kulħadd. Ma naqasx milli jitkellem dwar il-linji tal-ajru u li filwaqt li l-gvern se jibqa’ jara kif jagħmel biex isostni l-linja nazzjonali tal-ajru, jeħtieġ li aktar linji tal-ajru jibqgħu jġibu lejn pajjiżna aktar turisti li jkunu jridu li jpoġġu lill-pajjiżna fil-lista tad-destinazzjonijiet tagħhom.

Fattur ieħor importanti fl-analiżi ta’ S&P li wasslet biex reġgħet affermat klassifikazzjoni daqstant b’saħħitha kienu l-proġetti pjanati minn dan il-gvern. Spjega li dawn il-proġetti ambizzjużi se jkunu qegħdin ikomplu jitwettqu fis-snin li ġejjin minħabba deċiżjonijiet importanti li l-gvern Laburista kien kapaċi jieħu fis-snin preċedenti. Fakkar dwar il-pjan ta’ rkupru (RRP) li l gvern kien kapaċi jħabbar b’miżuri addizzjonali bħala għajnuna lil hinn minn dik imħabbra kull sena fil-budget tal-pajjiż. Barra minn hekk, il-gvern se jkun jista’ jwettaq numru ta’ proġetti ffinanzjati minn fondi ewropej li rnexxielu jikseb fl-ewwel nofs tal-2020, budget li kien jiżboq ferm lil dak allokat lil pajjiżna fis-seba’ snin preċedenti.

Filwaqt li kompla jispjega dwar il-ħidma tal-gvern li se tibqa’ għaddejja biex jimplimenta iżjed proġetti u jkompli jsaħħaħ il-kredibbiltà tiegħu, il-Prim Ministru qal li għandna Oppożizzjoni li tinsab assenti totalment f’kull tema ħlief fil-battibekki kostanti u ġlied interni tagħhom. 

Kompla biex jispjega dwar l-importanza tad-djalogu u faħħar il-mod kif il-gvern flimkien mal-imsieħba soċjali kien kapaċi jiddiskuti biex jasal għall-aħjar soluzzjonijiet quddiem sfidi kbar. Ikkonferma dak li ħabbar fl-aħħar jiem il-Ministru tal-Finanzi Clyde Caruana waqt il-laqgħa tal-MCESD meta qal li l-budget li jmiss se jkun budget ieħor mingħajr introduzzjoni ta’ taxxi ġodda.

Hawnhekk tenna dwar il-bżonn li l-gvern joffri stabbiltà u sostenibbiltà u li din tagħtiha biss milli toffri serħan il-moħħ lin-nies. In-nies ingħataw serħan il-moħħ meta fi żminijiet fejn pajjiżi oħra raw prezzijiet tal-enerġija jisplodu, il-gvern Malti għażel li jintervjeni biex jilqa’ għall-mewġ u jipproteġi lill-familji u lin-negozji minn introduzzjonijiet ta’ taxxi ġodda.

Mhux biss, il-Prim Ministru tkellem dwar ħames pilastri li l-gvern Laburista determinat li jkompli jsaħħaħ biex tkun tista’ tissaħħaħ l-ekonomija ta’ pajjiżna. Sostna li l-gvern se jibqa’ plejer kruċjali biex jgħin fit-tkabbir ekonomiku li jwassal għal muskolu finanzjarju biex tibqa’ tingħata l-għajnuna li l-ebda pajjiż ieħor mhu jagħti quddiem dawn l-isfidi straordinarji. Se tibqa’ tingħata l-għajnuna lill-pensjonanti tagħna li huma l-ħaddiema tal-passat billi fost l-oħrajn iżid l-għajnuna fis-settur tas-saħħa b’aktar mediċini fuq il-formularju tal-gvern, żieda fis-servizzi mediċi u proġetti infrastrutturali oħra biex ikomplu jingħataw dawn is-servizzi. Ma setax jonqos li jiffoka fuq il-proġetti ambjentali li jwasslu għal titjib fil-kwalità tal-ħajja tan-nies. Fid-dawl ta’ dan kollu, il-Prim Ministru qal li pilastru ieħor importanti biex ikun hawn serħan il-moħħ huwa s-sigurtà tal-pajjiż, billi fost l-oħrajn ikun hawn iżjed investiment fil-forzi tal-ordni.

Rigward l-ambizzjoni ta’ pajjiżna għal proġetti ambjentali kbar, Abela qal li l-implimentazzjoni tal-miżura ta’ trasport pubbliku b’xejn għal kulħadd tiġbor fiha dak kollu li tkellem dwaru qabel. Tkellem dwar il-pjan li bih il-gvern beda jnaqqas il-piż minn fuq in-nies biex matul dawn l-aħħar snin kellek mal-61,000 persuna inklużi pensjonanti, persuni diżabbli u studenti li kienu qed jiffrankaw bejn €200 u €300 fis-sena. Saħaq li dawn l-isfido straordinarji huma l-mument opportun li fih il-gvern seta’ jagħżel li jmur lura minn kelmtu minħabba problemi finanzjarji, iżda minflok dan il-gvern determinat li jwettaq dak li jwiegħed. Qal ukoll li din il-miżura se tgħin biex aktar persuni jaraw fit-trasport pubbliku, mezz alternattiv kif jivjaġġaw u li b’hekk tonqos il-konġestjoni tat-traffiku u l-emissjonijiet.

Tkellem ukoll dwar il-komunità LGBTIQ+ u l-bżonn li l-gvern jibqa’ jaħdem favur soċjetà aktar ugwali billi fost l-oħrajn jara li l-gvern joffri operazzjonijiet bħalma huma dawk ta’ gender reassignment u twaqqif ta’ ċentru għas-servizzi kollha offruti lill-persuni tal-komunità msemmija, kemm dawk offruti mill-istat kif ukoll dawk mis-soċjetà ċivili

Fl-intervista tiegħu Abela tkellem ukoll dwar l-aħbar tal-mewt tar-Reġina Eliżabbetta II li ħasdet il-pajjiż. Fakkar kif hija kienet tqis lil pajjiżna bħala t-tieni dar tagħha u li bi stabbiltà u għerf mexxiet b’tali mod li ispirat mexxejja oħra jsegwu l-karatteristiċi sbieħ tagħha.  

Sport