“Nixtieq nseprimi gratitudni kbira lejn il-poplu Malti u Għawdxi ta’ din il-ġenerożità. Dawn il-fondi huma essenzjali biex aħna nkunu nistgħu noffru servizzi varji anke lil hinn mill-qasam tad-droga, li nafu kemm hi magħrufa għaliha l-Caritas”.
Dan iddikjarah id-Direttur tal-Caritas Anthony Gatt f’intervista ma’ dan il-ġurnal hekk kif is-Sibt inġabret is-somma ta’ €376,501 waqt il-maratona annwali ta’ Caritas Malta, bit-tema ‘Jimpurtani’ – messaġġ li jenfasizza l-importanza tal-kompassjoni u l-appoġġ tal-komunità.
Id-Direttur irrimarka li Caritas matul is-sena li għaddiet sostniet mal-930 persuna bi problema tad-droga. Qalilna li matul l-2024 kien hemm ukoll madwar 800 persuna li albu għajnuna ġenerika, li inkludi faqar materjali, kriżijiet soċjali u diffikultajiet bl-emozzjonijiet.
Gatt żied jgħid; “Aħna għandna mal-11 -il support group li kkollha jsiru fil-Caritas community centre filgħaxijiet. Ovvjament ma nistax ma’ nsemmix il-ħdima ta’ kordinament tal-prevenzjonijiet fl-iskejjel, postijiet tax-xogħol u anke fil-komunitajiet”.
Spjega li hija xi ħaġa sabiħa ħafna li waqt il-maratona kien hemm parteċipazzjoni ta’ nies li bbenifikaw mis-servizzi tal-Caritas u li fil-maratona jkunu qegħdin jaħdmu spalla ma’ spalla biex jagħtu kull għajnuna meħtieġa.
Id-Direttur kompla jgħidilna li fil-proċess tal-fejqan, jemmen ħafna fil-kunċett li meta persuna tkun ġiet fuq saqajha, din tkun tista’ f’libertà li tikkontribwixxi fil-volontarjat għal nies oħra li jkunu fil-bżonn.
Qal ukoll; “Nammira ħafna n-nies li juru wiċċhom għax dik hija ta’ kuraġġ kbir għal min qiegħed hemm barra li jħoss li jisma’ għax kulħadd jista’ jiltaqa’ ma’ kriżi. Għax fil-ħajja min għandu salib u min għandu domna”.
Tenna billi rringrazzja lil voluntiera kollha, lin-nies kollha li qegħdin iċemplu għal l-għajnuna, klijenti speċjlament dawk li jkunu qed jagħtu għajnuna wara li jkunu fiequ.

