Friday, October 17, 2025

Netanyahu determinat li l-katavri li “ma jistgħux jinstabu” jiġu rritornati

Aqra wkoll

Il-Prim Ministru Iżrael Benjamin Netanyahu qal li jinsab determinat li jibqa’ jagħmel pressjoni fuq il-grupp tal-Ħamas li jirritornaw il-katavri kollha tal-persuni li ġew maħtufin fis-7 ta’ Ottubru ta’ sentejn ilu.

Il-grupp Ħamas qal li l-katavri kollha li seta’ jagħti lura lil Iżrael ġew irritornati, iżda baqa’ 19-il vittma li baqgħu ma ġewx irritornati.

F’Iżrael kien hemm rabja kbira hekk kif il-grupp Ħamas ma rritornax il-katavri kollha skont il-ftehim milħuq biex ikun hemm waqfien mill-ġlied.

Min-naħa tagħha l-Istati Uniti qalet li jekk il-vittmi kollha mhux se jiġu rritornati allura se jkun hemm ksur tal-ftehim bil-biża’ li l-attakki minn Iżrael jerġgħu jibdew.

Il-President tal-Istati Uniti Donald Trump kiteb li “ma jkollnix għażla oħra ħlief li nidħlu f’Gaża u noqtluhom”.

Il-Ħamis filgħodu Iżrael ikkonferma li kien irċieva żewġ katavri oħrajn ta’ persuni li ġew maħtufin mill-Ħamas. Dawn ingħataw lill-Uffiċjali tas-Salib l-Aħmar li min-naħa tagħhom għaddewhom lill-forzi Iżraeliti. L-aħħar żewġ katavri ġew iddentifikati bħala Inbar Hayman u Sgt Maj Muhammad al-Atarash

Nhar it-Tnejn li għadda hekk kif daħal fis-seħħ il-waqfien mill-ġlied il-Ħamas irritorna 20 persuna ħajja li kienu qegħdin jinżammu ostaġġi. Min-naħa tiegħu Iżrael ħeles 250 priġunier li kienu qegħdin jinżammu fil-pajjiż, u 1,718-il priġunier ieħor li kienu qegħdin jinżammu priġunieri minn Iżreal stess, iżda f’Gaża.

Il-militanti tal-Ħamas qalu li se jkomplu jfittxu l-katavri tal-persuni li nqatlu jew mietu meta kienu jinżammu ostaġġi. Iżda qalu wkoll li biex isir dan għandhom bżonn sforz kollettiv u anke apparat apposta.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport