Sunday, October 5, 2025

Netanyahu jittama li jħabbar ir-rilaxx tal-ostaġġi fil-jiem li ġejjin

Aqra wkoll

Il-Prim Ministru Iżraeljan Benjamin Netanyahu wera t-tama li fil-jiem li ġejjin iħabbar ir-rilaxx tal-ostaġġi li qed jinżammu f’Gaża.

Fi stqarrija televiżiva, huwa qal ukoll li “l-Ħamas se jkun diżarmat u Gaża se tiġi demilitarizzata” – jew b’mod faċli jew b’mod diffiċli iżda dan se jinkiseb. 

Huwa għamel dawn il-kummenti wara li l-Ħamas ħarġu stqarrija l-Ġimgħa li fiha qablu li jeħilsu l-ostaġġi taħt il-pjan ta’ paċi tal-Istati Uniti, għalkemm ma ssemmiex id-diżarm u fittxu anke negozjati dwar kwistjonijiet oħra. 

Is-Sibt li għadda, il-Ħamas qal li Iżrael kienet qed tkompli twettaq “massakri” wara attakki oħra f’Gaża u ħeġġeġ għal pressjoni globali fuq Iżrael.

Sadanittant, illum mistennija jibdew taħditiet indiretti dwar il-waqfien mill-ġlied bejn iż-żewġ partijiet fl-Eġittu.

Il-President tal-Istati Uniti Donald Trump qal li “mhux se jittollera dewmien” mill-Ħamas biex jintlaħaq ftehim. F’post fuq il-pjattaforma tiegħu Truth Social, Trump qal: “Il-Ħamas irid jaġixxi malajr. Ejja nagħmlu dan, MALAJR.”

Aktar tard huwa kiteb li Iżrael “qabel mal-linja inizjali tal-irtirar”, li jidher li kien qed jirreferi għal diversi linji ta’ rtirar tat-truppi Iżraeljani ppubblikati flimkien mal-pjan tal-Istati Uniti.

Il-pjan ta’ 20 punt jipproponi tmiem immedjat għall-ġlied u r-rilaxx ta’ 20 ostaġġ Iżraeljan ħaj miżmuma mill-Ħamas – kif ukoll il-fdalijiet ta’ dawk li huma maħsuba li huma mejta – bi skambju għal mijiet ta’ ċittadini minn Gaża li jinsabu miżmuma.

F’post fuq X, il-Forzi tad-Difiża ta’ Iżrael qalu li kienu ħarġu ordni “biex javvanzaw it-tħejjija għall-implimentazzjoni tal-ewwel fażi tal-pjan ta’ Trump għar-rilaxx tal-ostaġġ”. Żiedu jgħidu li s-sigurtà tat-truppi tal-IDF kienet “prijorità ewlenija”.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport