Fl-aħħar sigħat sar magħruf li l-ishma ta’ Netflix tilfu kwart tal-valur tagħhom hekk kif fl-ewwel kwart ta’ din is-sena kien hemm tnaqqis fin-numru ta’ abbondati. Din kienet l-ewwel darba f’dawn l-aħħar għaxar snin li l-kumpanija Netflix irreġistrat tnaqqis fin-numru ta’ abbonati.
Uffiċjali tal-kumpanija qalu li huma jemmnu li t-tnaqqis fin-numru ta’ persuni abbonati seħħ wara s-sospensjoni tas-servizz ġewwa r-Russja wara l-invażjoni ġewwa l-Ukrajna.
Apparti hekk, Netflix temmen li fattur ieħor li qiegħed ixekkel it-tkabbir huwa minħabba li utenti qed jaqsmu l-kont tagħhom ma’ oħrajn li ma jgħixux fl-istess dar. Netflix tikkalkula li hemm 222 miljun dar li jħallsu għas-servizz, iżda mbagħad hemm iktar minn 100 dar li mhux qed iħallsu għas-servizz u dan għax qed jissellfuh mingħand persuni oħrajn.
Netflix temmet l-ewwel kwart tas-sena b’total ta’ 221.6 miljun abbonat, li huwa ftit inqas minn dak li kien irreġistrat fl-aħħar kwart tas-sena li għaddiet. Fir-rapport tagħha, il-kumpanija rrapportat dħul nett ta’ $1.6 biljun, li huwa tnaqqis meta mqabbel mal-$1.7 biljun irreġistrati fl-istess perjodu tas-sena li għaddiet. Wara li saret magħrufa din l-aħbar, l-ishma ta’ Netflix niżlu b’iktar minn 25% għall-valur ta’ $259.30.