Saturday, October 5, 2024

Neville Gafà jwieġeb mhux ħati li hedded lil ġurnalist Taljan

Aqra wkoll

Neville Gafà wieġeb mhux ħati ħal akkużi miġjubin fil-konfront tiegħu li hedded lill-ġurnalist Taljan. Il-każ imur lura għas-27 ta’ Ġunju li għadda fejn permezz ta’ tweet Gafà qal lil Sebastiano Scavo “Stop your dirty business. If not we will be stopping you”.

Il-Qorti preseduta mill-Maġistrat Charmaine Galea semgħet kif fil-5 ta’ Awwissu li għadda, il-Pulizija daħlilhom ilment minn Scafo fir-rigward tal-kumment li Gafà għamel fuq Twitter.

L-Ispettur Lydon Zammit qal li kien informa lil Gafà li min-naħa tiegħu aċċetta li jmur il-kawrtieri tal-Pulizija. Zammit qal li Gafà kien ammetta li kien kiteb il-kumment inkwistjoni meta kien id-dar tiegħu fil-Mellieħa. Fl-istess waqt huwa insista li ma kellu ebda intenzjoni ta’ theddid. Tenna li bl-istess mod ma kellu l-ebda intenzjoni li jweġġa’ lil Scavo.

Fixxhieda tiegħu l-Ispettur Fabian fleti qal li fl-istqarrija ta’ Gafà lill-Pulizija, il-messaġġ kien intenzjonat f’sens politiku.

Intant fix-xhieda tiegħu Scavo qal li huwa jaħdem bħala ġurnalist mal-ġurnal “Avvenire”, ġurnal nazzjonali Taljan ippubblikat Milan. Qal li fost affarijiet oħrajn, xogħlu jinkludi li jmur f’żoni ta’ kriżi. Huwa żied jgħid li fil-ħidma tiegħu huwa segwa lil Malta fl-isfond tal-immigrazzjoni.

Scavo żied jgħid li kien għamel mistoqsijiet lil Gafà, bit-tweġiba ta’ Gafà jħossha bħala theddida. Dan minħabba li ma weġibx il-mistoqsijiet li sarulu u minflok ma weġibx għall-mistoqsijiet intqallu li kien se jitwaqqaf.

Żied jgħid li lil Gafà huwa ma jafux fuq livell personali. Filwaqt li qal li l-kumment ta’ Gafà kien Huwa żied jgħid li ħassu mhedded u għadu jħossu mhedded.

Qal li ta lil Gafà l-opportunità li jiċċara t-theddida meta staqsih għal min kien qed jirreferu fil-kumment tiegħu bl-użu tal- kelma “we”.

Scavo żied jgħid li ma għamilx kwerela fil-konfront ta’ Gafà fl-Italja, u lanqas ma jaf jekk itteħdux proċeduri mill-Pulizija fl-Italja.

L-Ispettur Zammit fix-xhieda tiegħu ċċara li Scavo kien wera l-intenzjoni li jipproċedi kontra Gafà.

Il-kawża ġiet differita għall- 15 ta’ Ottubru li ġej biex id-Difiża jaraw il-provi u d-dokumenti mressqa.

Għal Gafà deher l-Avukat Edward Gatt, filwaqt li l-Avukat Chris Busietta dehret għal Scavo.

Sport