Il-Fondazzjoni għas-Servizzi tal-Ħarsien Soċjali (FSWS) nieda l-proġett ‘New beginnings’, li hu kofinanzjat minn fondi tal-Unjoni Ewropeja taħt il-Programm AMIF u mmexxi mill-FSWS bħala msieħeb ewlieni bis-sehem ukoll tal-IOM, l-International Organisation for Migrants. L-IOM hi aġenzija tal-Ġnus Magħquda b’uffiċċju f’Malta. Dan il-proġett hu maħsub biex jgħin lill-vittmi ta’ traffikar illegali tal-persuni f’pajjiżna.
Waqt it-tnedija, il-Ministru għall-Politika Soċjali u Drittijiet tat-Tfal, Michael Falzon enfasizza li t-traffikar uman hu l-agħar forma ta’ traffikar li jista’ jsir għax ineżża’ lin-nies mid-dritt fundamentali tagħhom tal-libertà kif imnaqqax fiċ-Charter tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-Ġnus Magħquda.
Il-Ministru fakkar l-impenn tal-Gvern li jiġġieled it-traffikar uman u semma s-servizzi li qed ikomplu jingħataw anke permezz ta’ fondi lokali. “Biex inkunu tassew umani rridu naħdmu flimkien kontra dan it-traffikar tal-persuni,” temm jgħid il-Ministru Falzon.
Min-naħa tiegħu, il-Kap Eżekuttiv tal-FSWS Alfred Grixti spjega, “Aħna nagħmlu ħidma soċjali ħolisitka waqt li għandna tim iffukat fuq traffikar uman. Taqsimiet oħra tal-FSWS, bħal dawk li jaħdmu fuq is-safer internet b’servizzi bħal Be Smart Online u Child Web Alert, ukoll jagħmlu l-parti tagħhom biex jipprevjenu t-traffikar uman u jgħinu lill-vittmi ta’ din l-attività kriminali.”
Huwa semma kif l-FSWS ilha taħdem f’dan il-qasam mill-2017 u li dan hu t-tieni proġett kofinanzjat minn fondi Ewropej li qed tmexxi. Hu rringrazzja lill-IOM li qed tieħu sehem fil-proġett u anki lill-imsieħba istituzzjonali bħall-Pulizija li l-FSWS taħdem viċin tagħhom f’dan il-qasam u oqsma oħra. Huwa rringrazzja wkoll lill-frontliners tax-xogħol importanti li jagħmlu.
“Biex tiġġieled it-traffikar illegali tal-persuni trid taħdem fuq ħafna biċċiet li meta tressaqhom lejn xulxin, kollox jagħqad flimkien. Nista’ nsemmi ħafna stejjer ta’ suċċess li kellna u huma dawn l-istejjer li jagħtuna kuraġġ biex inkomplu mixjin ’l quddiem,” temm is-Sur Grixti.
Preżenti għat-tnedija ta’ dan il-proġett kien hemm ukoll George Borg, Chairman tal-FSWS, Diretturi u uffiċjali oħra tal-Fondazzjoni flimkien ma’ rappreżentanti tal-imsieħba tal-proġett l-IOM u msieħba soċjali oħra impenjati f’dan il-qasam.