Sunday, December 22, 2024

New Hope Guarantee: Tama lil żgħażagħ li kienu qed isibu l-bieb magħluq minħabba d-diżabilità

Aqra wkoll

Il-Ministru għall-Akkomodazzjoni Soċjali Roderick Galdes u l-Ministru għall-Inklużjoni u l-Kwalità tal-Ħajja Julia Farrugia Portelli dalgħodu kienu preżenti għal konferenza tal-aħbarijiet dwar l-iskema New Hope Guarantee. Din seħħet ġewwa l-Aula Magna tal-Università ta’ Malta, il-Belt Valletta. 

Permezz tal-iskema New Hope Guarantee, il-Gvern se jkun garanti biex individwi bi kwistjonijiet mediċi jew b’diżabilità jkunu jistgħu jsiru sidien ta’ darhom. Il-Gvern permezz  tal-Awtorità tad-Djar se jkun qed joffri garanzija li se tkopri self massimu ta’ €250,000 fuq proprjetà li se tintuża bħala residenza primarja.  

Applikant li ma jirnexxilux jikseb polza tal-assigurazzjoni għandu japplika għal din l-iskema. Dan tal-aħħar ikun mitlub jippreżenta dokumentazzjoni mingħand tabib jew speċjalist fuq il-kundizzjoni tiegħu. L-Awtorità tad-Djar u l-Kummissjoni għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità ħa jivverifikaw d-dokumenti sottomessi biex ikun żgurat li ma jkunx hemm ebda abbuż. 

Il-Ministru Roderick Galdes fisser kif il-garanzija New Hope ġabet ottimiżmu ġdid fost żgħażagħ li sal-lum ma setgħux isiru sidien ta’ darhom minħabba diżabilità jew raġunijiet mediċi,  “Iltqajt ma’ ħafna persuni li spjegawli li minħabba d-diżabilità tagħhom meta ġew biex jixtru post, sabu imblokk hekk kif dawn ma ngħatawx life policy. Ma ħarisniex biss lejn il-bżonnijiet tal-maġġoranza, imma rajna kif il-minoranza tingħata l-għajnuna wkoll u din il-minoranza llum għandha tama ġdida.”

Din l-iskema hija xhieda ta’ kemm il-Gvern għandu ruħ soċjali, hekk kif kulħadd għandu jkollu l-opportunità li jilħaq l-aspirazzjonijiet tiegħu.

“Din l-iskema hija l-epiċentru tal-valuri tagħna. Bl-għajnuna mill-istat u bin-New Hope Guarantee qed inkunu inklussivi u qed noffru t-tama lil individwi li jbatu minn kwalunkwe tip ta’ diżabilità għax huma wkoll għandhom id-dritt li jwettqu l-ħolma tagħhom li jsiru sidien ta’ darhom,” temm jgħid il-Ministru Galdes. 

Min-naħa tagħha l-Ministru għall-Inklużjoni u l-Kwalità tal-Ħajja Julia Farrugia Portelli stqarret li l-fatt li kien kważi kompletament impossibbli li persuna b’diżabilità tinħarġilha polza ta’ assigurazzjoni fuq il-ħajja biex setgħet tirrikorri għand bank kummerċjali għal self biex tixtri residenza kien qed jirrendi sitwazzjoni li teskludi lill-persuna b’diżabilità minn din il-faċilità. 

“Il-kelma esklużjoni m’għandhiex postha fil-vokabolarju tal-Gvern, anzi l-oppost. Naħdmu għall-inklużjoni kompleta. Il-Kummissjoni għad-Drittijiet tal-Persuni b’Diżablità (CRPD) ilha sa mis-sena 2014 taħdem biex titneħħa din l-anomalija. Ħadmet qatigħ biex wara konsultazzjonijiet anke ma’ entitajiet barranin fasslet pjan li ġie preżentat lill-Gvern u li eventwalment wassal biex inħoloq grupp interministerjali u kienet parti mit-tim li fassal l-iskema New Hope Guarantee. Is-CRPD se tibqa’ involuta fl-implimentazzjoni tal-proċess billi tiċċertifika l-eliġibilità tal-applikant skont il-kundizzjonijiet mediċi stipulati u se tkun parti mill-bord konsultattiv li se jibqa’ jaħdem biex isaħħaħ l-iskema f’termini ta’ eliġibilità.”

Il-Ministru Farrugia Portelli temmet tgħid li “Huwa ta’ sodisfazzjon kbir li issa, b’konformità mal-prinċipju tal-inklużjoni, qegħdin bħala Gvern inwasslu din il-faċilità lil min sa ftit taż-żmien ilu kien qiegħed iħossu eskluż minn dak li kien jibbenefika minnu ħaddieħor. Din hija miżura oħra li tikkonferma d-determinazzjoni tal-Gvern li ħadd ma jitħalla jaqa’ lura jew li jħossu inqas minn ħaddieħor.”

Il-Kummissjoni għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżablità ikollha bejn żewġ u tliet każi fis-sena ta’ din ix-xorta. Il-Kummissarrju għad-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabilità, Samantha Pace Gasan, fakret li s-CRPD ilha mill-2014 tagħmel ir-riċerka sabiex din l-anomalija tiġi ndirizzata biex b’hekk persuni b’diżabilità u oħrajn jistgħu jkunu rikonoxxuti bħala konsumaturi u jkollhom aċċess sħiħ għas-suq tal-propjetà u jsiru sidien ta’ darhom.

Preżenti għall-konferenza tal-aħbarijiet kien hemm ukoll il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tad-Djar Leonid McKay fejn qal li bħal fi skemi ohra, qed nikkommettu li noffru proċess spedit fl-iskema New Hope ukoll. Huwa spjega li immedjatament wara li jiġu provduti dokumenti meħtieġa se jsir kuntatt mal-Kummissjoni għal Persuni b’Diżabilità biex isiru r-riċerki neċessarji. 

Jekk l-applikant ikun jissodisfa l-kundizzjonijiet tal-iskema toħroġ ittra ta’ rakkomandazzjoni lill- Bank biex tinħareġ il-garanzija fuq il-valur ta’ €250,000 minflok il-polza ta’ assigurazzjoni mitluba mill-banek kummercjali. Is-Sur McKay reġa’ sostna li l-politika socjali ma ssirx skond min jgħajjat l-aktar iżda skont il-vulnerabilità tal-persuna. Huwa kkonkluda li minflok ma’ morna għall- aktar triq faċli u offrejna handouts sibna mod differenti li jippromwovi l-mobilità flok id-dipendenza soċjali.

Ekonomija

Sport