Thursday, April 25, 2024

New York

Aqra wkoll

Minn ALFRED SANT

Kemm ilha li telqet l-imxija tal-corona virus naħseb li l-aktar ritratt xokkanti li rajt dwarha sa issa, inġibed minn żunżana. Juri trinka twila u wiesgħa. Fiha kienu qed jitpoġġew twiebet, tnejn tnejn, ħdejn xulxin u forsi wara, aktar twiebet kienu se jitpoġġew fuqhom.

L-orribbli f’din l-istampa kien li weriet ħidma għaddejja fi New York, waħda mill-aktar bliet sinjuri tad-dinja.

Tant kienu qed imutu nies li bil-ħtieġa li jidfnuhom malajr, kellha tintuża din il-proċedura. Tfakkrek fi x’jiġri fil-gwerer jew waqt diżastru naturali, bħal terrimot jew tsunami.

Filfatt dak hu li ninsabu għaddejjin minnu: b’din id-differenza – diżastru naturali jiġri f’parti waħda tad-dinja; l-imxija tal-lum infirxet ma’ kullimkien. Jekk anke New York ġiet ridotta għal dfin tal-massa, x’jista’ jiġri… jew aħjar x’ġara? … fi bliet oħra, popolati daqsha jew aktar minnha, u fejn il-faqar hu aktar lampanti?

***

Meta tiftaħ?

Ftit tista’ taħseb f’deċiżjoni aktar diffiċli li jkollu jieħu min se jaqtagħha: jekk u meta għandu jagħti s-sinjal biex in-nies tkun tista’ toħroġ minn djarha.

Min-naħa, kieku s-sinjal jingħata kmieni wisq, ir-riskju hu kbir li l-imxija tal-corona virus tkun għadha ma tkissritx u għadha lesta  biex tispara ’l fuq. Jekk jiġri hekk, jista’ jirranka r-ritmu tal-imwiet b’mod li jsir diffiċli li tikkontrollah.

Min-naħa l-oħra, aktar ma jittardja l-waqt li fih jingħata s-sinjal ħalli jillaxkaw il-kontrolli, aktar jiżdied id-dannu ekonomiku. Dan mhux biss kwistjoni ta’ flus għall-gvernijiet u l-kumpaniji, imma wkoll ta’ kif se jgħixu l-familji, ta’ serħan il-moħħ għal min jinsab riesaq lejn il-faqar, ta’ telf ta’ impjiegi…

Ix-xafra doppja taqta fil-laħam il-ħaj.

***

Il-fqar

Uħud bassru diżastru sħiħ meta l-corona virus tilħaq lill-pajjiżi tat-Tielet Dinja, il-fqar. In-nuqqas ta’ miżuri sanitarji adekwati. L-assenza ta’ personnel mediku mħarreġ. In-nuqqas ta’ mezzi biex ipattu għall-infezzjonijiet… Kollha jindikaw li l-imxija f’dawn il-pajjiżi se tħalli warajha bilanċ tassew aħrax.

Imma jista’ jkun li le. Talanqas b’kejl statistiku. Għax l-imwiet, imqabbla ma’ dawk li seħħew fl-aħħar deċennji, jistgħu jispiċċaw jitqiesu bħala xejn ta’ barraminnhawn. Kien hemm il-gwerer u l-massakri, imxijiet oħra, il-ġuħ, l-emigrazzjoni, l-imwiet fuq postijiet tax-xogħol perikolużi li servew biex jagħtu spalla lil statistika li turi kemm baqgħet imwegħra s-sitwazzjoni tal-popli fil-pajjiżi l-fqar.

Il-corona virus titqies bħala fattur ieħor f’purċissjoni ta’ piżijiet u gwaj li tgħabbew fuq il-popli tat-Tielet Dinja. Għal xi żmien titpinġa, kif inhi, kalamituża. F’dehra ġenerali, kull ma qed tagħmel hu li ssostni għafsa ta’ qirda u dwejjaq li ilha hemm.

Sport