Saturday, November 23, 2024

New Zealand bl-ewwel każi ġodda ta’ Covid-19 wara 24 jum

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

New Zealand irreġistrat l-ewwel każijiet ġodda ta’ Coronavirus wara 24 jum konsekuttiv mingħajr każijiet. Dan wara li żewġ nisa li waslu f’dan il-pajjiż mir-Renju Unit nstabu li kienu infettati. 

L-uffiċjali tas-saħħa qalu li n-nisa kienu rilaxxati mill-kwarantina tal-Gvern u ngħataw il-permess biex jivvjaġġaw mill-belt ta’ Auckland għal Wellington. 

Il-vjaġġ tagħhom kien “eżenzjoni approvata mill-perjodu obbligatorju ta’ iżolament għall-wasliet ġodda fil-pajjiż” biex huma jkunu jistgħu jżuru ġenitur li kien qed imut. 

In-nisa “għamlu kollox sew” u ma kinux poġġew membri oħra tal-pubbliku f’riskju, qal Ashley Bloomfield, id-Direttur Ġenerali tas-Saħħa ta’ New Zealand. 

Ġara iżda li l-aħbar dwar l-ivvjaġġar ta’ dawn in-nies ġiegħlet lill-Gvern jissospendi l-politika tiegħu li jagħti eżenjonijiet ta’ kompassjoni għar-regoli tal-kwarantina. “Dan se jerġa’ jiddaħħal biss meta l-gvern ikollu fiduċja fis-sistema,” qal David Clark, il-Ministru tas-Saħħa ta’ New Zealand. 

Iż-żewġ nisa ġew ittestjati pożittivi għall-Covid-19 matul il-ġurnata tat-Tnejn, b’waħda minnhom tgħid li kellha xi sintomi, iżda kienet attribwiethom għall-kundizzjoni medika tagħha.

Dawn in-nisa kienu l-ewwel każijiet ġodda ta’ Coronavirus fi New Zealand wara aktar minn tliet ġimgħat, u nstabu pożittivi ġimgħa wara li l-aħħar każ magħruf f’dan il-pajjiż kien irkupra. 

Fl-istess waqt, il-każi ġodda ħarġu ftit jiem wara li tneħħew ir-restrizzjonijiet domestiċi kollha fil-pajjiż. Sa issa fi New Zealand ġew irreġistrati 1,506 każi ta’ Covid-19 u 22 mewt.

Sport