Sunday, November 24, 2024

NEWTRALITÀ LI SSALVANA

Aqra wkoll

Fl-aħħar jiem komplejna naraw il-gwerra fl-Ukajna bl-atroċitajiet kollha li din qed toħloq. Din il-gwera issa ilha għaddejja tlett xhur. Mistoqsija kruċjali li trid issir hi dik dwar is-sanzjonijiet. Kemm qegħdin jaħdmu u x’effett qed ikollhom? Mistoqsija li qed issir fid-dawl tal-fatt li minkejja li ilhom li daħlu is-sanzjonijiet, il-gwerra baqgħet għaddejja.

Hu fatt li s-sanzjonijiet kontra xi pajjiż hi prattika li ilha tintuża sa minn żmien it-Tieni Gwerra Dinjija. L-għan tas-sanzjonijiet ikun biex issir pressjoni fuq pajjiż partikolari u biex jintlaħqu għanijiet politiċi. Jekk wieħed janalizza  is-sanzjonijiet li ttieħdu matul is-snin u l-effett tagħhom isib li l-effett dejjem kien wieħed limitat. Fuq kollox mis-sanzjonijiet spiċċaw batew bil-kbir, iċ-ċittadini tal-pajjiż milqut. Jekk inħarsu lejn is-sanzjonijiet li kienu saru lejn Kuba, dawk lejn il-Venezwela u l-Iran naraw li dawn  ma kellhomx l-effett mixtieq u l-għanijiet politiċi ma intlaħqux. Ma ninsewx li fil-każ tar-Russja kien hemm sanzjonijiet sa mis-sena 2014 meta r-Russja ħadet il-Krimea.

M’hemm ebda dubju li lil hinn mis-sanzjonijiet, din hi gwerra li għandhom isiru ferm u ferm iżjed sforzi biex tirrenja l-paċi. Qed jinstema’ ħafna diskors. Għaddejja ħidma kontiwna biex forsi l-gwerra tieqaf. Sforzi li sa issa ma tawx il-frott. 

Nemmnu li dawn huma sforzi li jistgħu jkunu ferm aktar b’saħħithom. Jinħass li  l-isforzi li għaddejjin għall-paċi huma dgħajfin.

U quddiem dan ma nistgħux ma nżommux quddiem għajnejna li dak li inbena f’dawn l-aħħar tmenin sena, fejn ħafna kienu jaħsbu li gwerra fl-Ewropa hi xi ħaġa tal-passat. B’din il-gwerra jeżisti ir-riskju li dak li inbena għal dawn l-aħħar tmenin sena – il-paċi fl-Ewropa,   jista’ jintilef fi żmien qasir.

U quddiem it-theddida ta’ gwerra aktar mifruxa, Malta issalvaha ħaġa waħda biss in-newtralità tagħha. Newtralità li titlob li ma niffavorixxu lil ħadd, la lil naħa u lanqas lil oħra. Newtralità li titlob li l-mod kif tistma lil waħda mill-partijiet, turieħ ukoll man-naħa l-oħra. 

Nemmnu li għalkemm m’aħniex imdaħħlin direttament fil-gwerra, permezz tal-Unjoni Ewropea dħalna indirettament. fl-UE. 

Ma dan imbagħad għandna sitwazzjoni oħra li tista’ tikkomplika l-affarijiet anke għal pajjiżna. Din hi l-ħidma li qed issir minn ċerti pajjiżi Ewopej biex l-Ukrajna tidħol fl-Unjoni Ewropea. Wieħed jifhem li dħul fl-Unjoni Ewropea hu wieħed elaborat għall-aħħar.

U hawnhekk wieħed irid iżomm f’moħħu li jekk ikun hemm pajjiż fl-Unjoni Ewropea li jkun fi gwerra, dak l-istess pajjiż għandu dritt li jitlob għas-solidarjetà u permezz ta’ dan l-Unjoni Ewropea, inkluż Malta tista’ ssib ruħha fi gwerra.  

Nemmnu li r-rwol ta’ pajjiżna għandu jibqa’ dak li taħdem għall-paċi. Li tipprova tibni pontijiet kemm ma naħa u kemm ma’ oħra. Li tipprova toħloq id-djalogu. Fuq kollox l-aktar ħaġa importanti fil-mument hi li jieqaf il-ġlied. Waqfien li imbagħad fuqu tibni biex iż-żewġ partijiet jersqu aktar lejn xulxin. Jiddispjaċina ngħidu li lanqas sa hawn għadna ma wasalna.

Sport