Thursday, December 26, 2024

Ngħidha b’responsabbiltà… Joseph Muscat kien imexxi l-istat u għalhekk huwa involut fil-qtil”

Aqra wkoll

Waqt l-indirizz tiegħu mill-attività Politika tal-Partit Nazzjonalista fil-Mosta, il-Membru tal-Parlament Ewropew David Casa ma naqasx milli jitkellem dwar l-iżvilupp fil-każ tal-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.

Casa fakkar il-memorja ta’ Daphne u qal li minkejja li kienet ikkritikata u saħansitra rċeviet theddid minħabba l-kitbiet tagħha hija baqgħet tikxef il-korruzzjoni. Huwa qal li ħadd ma kien kapaċi jsikkitha sakemm “sikktuha darba għal dejjem”.

Kompla biex jgħid li Daphne kienet mart u omm li kienet tħobb is-sbuħija tal-kitba li tħalliet waħidha fl-aktar mument importanti ta’ ħajjitha.

Il-MEP Nazzjonalista żied jgħid li ħadd qatt ma infurmana daqsha u li hi kienet verament temmen f’dak li tikteb. Xhieda ta’ dan kienu n-nies li kienu jsegwu l-blog tagħha qabel kull sit ieħor tal-aħbarijiet u li l-blogs tagħha kienu l-bidu u t-tmien tal-ġuranata għal ħafna ċittadini.

Casa qal li ħames snin wara li nqatlet, l-akbar skandlu jibqa’ hu li dawk li kixfet Caruana Galizia għadhom jiġru barra. F’isem il-Partit Nazzjonalista huwa qal li l-affarijiet m’għadhomx li kienu u li l-awtoritajiet qegħdin jissikkaw iċ-ċintorin u “jfettqu” mal-poplu “fuq il-ħmerijiet”. Argumenta li llum m’għadekx tista’ tmur il-bank mingħajr ma jagħmlulek interrogazzjoni għal flusek stess. Saħaq li l-ġustizzja ddum snin biex tintemm mal-persuni f’karigi għolja, però ċertu nies, fosthom sidien ta’ ħwienet, malajr iħossu l-forza tal-liġi jekk jagħmlu xi ħaġa ħażina.

David Casa qal li l-inkjesta pubblika sabet lill-istat Malti responsabbli bil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia u għalhekk qal li minħabba li dak iż-żmien kien imexxi l-eks Prim Ministru Joseph Muscat, allura anke hu huwa involut bil-qtil. 

“Ngħidha b’responsabbiltà”, kompla Casa filwaqt li saħaq li dan il-pajjiż kien ħaqqu gvern aħjar.

Casa saħaq li l-mument li jitlaq mill-politika għadu ma wasalx u żied jgħid lill-Partit Laburista li dik il-ġurnata fadlila ħafna biex tasal.

“Il-lealtà tiegħi mhix lejn il-Partit Laburista, jew lejn il-gvern immexxi mill-Partit Laburista, il-lealtà tiegħi hija lejn il-poplu Malti u Għawdxi kollu u le mhux se nieqaf sakemm aħna nkunu lkoll ugwali quddiem il-liġi”, sostna Casa.

Casa temm jgħid li l-Partit Nazzjonalista se jkompli jiddefendi lill-ġurnalisti Maltin kollha biex ikomplu jagħmlu d-dover tagħhom.

Ekonomija

Sport