Wednesday, June 11, 2025

Ngħiduħa kif inhi

Aqra wkoll

Il-konferenza l-Istat tan-Nazzjon ta’ din is-sena tefgħet dawl fuq numru ta’ issues li ta’ min janalizza sewwa. Ix-xejriet li qed joħroġu mill-istħarriġ li issa ilu isir ħames snin, qed jitfa’ dawl fuq il-mod kif is-soċjetà tagħna qed titrasforma ruħħa. Qed tindika x-xejriet kif numru ta’ temi huma meqjusa minn ġenerazzonijiet differenti iżda fuq kollox, qed jindikaw il-mod kif numru ta’ affarijiet se jkunu meqjusa fil-ġejjieni minn dawk li huma ż-żgħażagħ tal-lum. 

Tul is-snin, pajjiżna ttrasforma ruħu bil-kbir. Minn pajjiż kajman u kwiet bi ftit żvillupp, illum pajjiżna qed jara żvillupp kontinwu b’attività li kważi tista’ tgħid ma taqta ‘ xejn. Minn pajjiż li qajla seta joffri xogħol għal niesu għal pajjiż li qed ikollu joffri xogħol lil ħaddiema li jiġu jaħdmu Malta minn pajjiżi oħra. Minn pajjiż b’opportunitajiet limitati fit-tagħlim għal pajjiż li fih numru dejjem jikber ta’ żgħażagħ li qed ikomplu jistudjaw sal-livell terżjarju. 

Bidliet fl-attitudni tal-Maltin

Imma dawn il-bidliet kbar x’qed ifissru għal pajjiżna? Interessanti li l-istħarriġ li sar għall-Istat tan-Nazzjon jindika li l-parti l-kbira tal-Maltin huma kuntenti anke jekk taqra l-kummenti fil-mezzi soċjali tħoss neġattività ta’ liema bħalħa. Huwa ċert li n-nies fid-dawl tal-mod kif qed jinbidlu l-affarijiet qed jistaqsu bosta mistoqsijiet u forsi hemm min iħares lura b’nostalġija lejn id-dehra ta’ pajjiżna llum li tista’ tgħid inbidel drastikament. 

Hemm żewġ xejriet li wieħed ta’ min jinnota minn dak li rriżulta fl-istħarriġ li sar. Il-pajjiż kattoliċissimu qed isir aktar sekulari. Il-ġenerazzjonijiet iż-żgħar qed jindikaw li qed jagħtu importanza ħafna inqas lir-reliġjon. Bl-istess mod hemm distakk akbar bejn il-politika u ż-żgħażagħ ta’ età żgħira. Fil-fatt l-istħarriġ jindika differenzi notevoli dwar kif dawn iż-żewġ aspetti huma meqjusa b’mod tant differenti minn dawk ta’ età żgħira għal dawk aktar anżjani. 

Ir-riżultati tal-istħarriġ għall-istat tan-nazzjon m’għandhomx iservu biss bħala bażi ta’ diskussjoni għal din il-konferenza li issa intemmet iżda x-xejriet li ħarġu minn dan l-istħarriġ għandhom iservu bħala mezz kif nifħmu aħjar kif qed jevolvi pajjiżna u kif nistgħu infasslu aħjar il-ġejjini tagħna. 

It-teknoloġija 

Fl-istess konferenża l-Istat tan-Nazzjon, it-teknoloġija u l-edukazzjoni ġew diskussi minn diversi aspetti. Naħseb il-punt tat-tluq ta’ tali diskussjoni trid tkun li t-tekonoloġija u l-avvanz fit-teknoloġija huma realtajiet li ma jista’ jwaqqafhom ħadd. L-attenżjoni tagħna trid tkun aktar kif it-tekonoloġija u l-avvanżi tagħħa se nitgħallmu nużawhom bl-aħjar mod possibbli u b’mod li jħallu impatt pożittiv fuq il-ħajja. 

Il-ħtieġa li nkunu mgħarrfa aktar dwar it-tekonoloġija, l-użu tagħħa u kif nagħmlu l-aħjar użu għandu jkun il-ħsieb kif nittrattaw ma’ dan is-suġġett li kull ma jmur dejjem isir aktar importanti. 

L-avvanz teknoloġiku qed ibiddel bosta affarijiet u anke lid-dinja kif nafuha. Huwa fatt li bosta postijiet tax-xogħol li nafu bihom illum se jkun qegħdin jew jinbidlu drastikament jew saħansitra jispiċċaw kompletament. Dan iwassal għal punt importanti li t-taħriġ li jrid jingħata llum irid jirrifetti dawn il-bidliet biex il-ġenerazzjonijiet t’għada jkunu lesti għal dak li se joffri l-ġejjieni. 

Nagħrfu nħaddmu l-mezzi soċjali

It-tekonolġija qed tħalli impatt ukoll dwar il-mod kif jgħaddi t-tagħrif u saħansitra l-mod kif jingħażel li jitwassal ċertu tagħrif u mhux ieħor. Mill-istħarriġ għall-Istat tan-Nazzjon, aktar persuni qed ifttxu it-tagħrif tagħhom speċjalment fejn jidħol aħbarijiet mill-mezzi soċjali u mhux daqstant mill-mezzi tradizzjonali. 

Filwaqt li l-mezzi soċjali qed jagħtu spazju lil kullħadd jgħid dak li jrid u li jħoss u persuna tista’ tfittex fuq dak li jinteressaha b’aktar faċilità, is-sistema li tħaddem dawn il-mezzi soċjali hija mogħnija bil-ħila li tagħżel dak li jiġi ppreżentat lil min isegwi fuq il-mezzi soċjali. Għandħa s-saħħa li aktar milli tagħtik varjetà ta’ aspetti, tibda’ tippreżentalek dak li taħseb li inti trid tara u ssegwi jew dak li jkun qiegħed jikseb l-aktar popolarità jew attenzjoni. 

Għalhekk, hemm il-ħtieġa ta’ aktar għarfien dwar kif dan kollu jaħdem u mezzi kif wieħed aktar milli jaċċetta dak li qed jiġi ppreżentat lilu, ikun imħarreġ aktar kif jistaqsi u jixtarr dak li għandu quddiemu. 

Is-suċċess tal-ġenerazzjonijiet t’għada jiddependi fuq dawn il-bidliet iżda jkun akbar jekk inkunu lkoll aktar imħejjija għal dan it-tibdil li qed iseħħ u tibdil u tiġdid akbar li se naraw fil-ġejjieni. 

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport