It-tmiem ta’ Ġunju jimmarka t-tmiem ta’ sena skolastika. Dawn il-jiem iġibu ħafna nostalġija mit-tfulija u ż-żgħożija. Ifakkruk fl-istennija għall-vaganzi tas-sajf u dak kollu li jkun ippjanat għal matulhom. Ifakkruk fil-jiem tal-eżamijiet u d-dubji kollha li jkollok sakemm joħroġu r-riżultati. Fi ftit kliem, ifakkruk fi żminijiet li aktar ma tikber aktar isiru memorji minn passat dejjem jitbiegħed.
Lil hinn min-nostalġija, it-tmiem ta’ sena skolastika ifisser wkoll iż-żmien li fih l-iskejjel jitbattlu għal xi żmien, l-għalliema jieqfu għax-xhur tas-sajf iżda għad-Dipartiment tal-Edukazzjoni jfisser xogħol bla waqfien biex l-iskejjel ikunu lesti għal sena skolastika ġdida fl-aħħar ta’ Settembru.
Investiment qawwi fl-Edukazzjoni
Fl-aħħar xħur, il-gvern wasal fi ftehim kollettiv mal-għalliema kif ukoll mal-għalliema u letturi fl-MCAST. Investiment b’saħħtu fil-kundizzjonijiet tal-għalliema li għalaq kwistjoni industrijali li kienet ilha tkarkar. Flimkien ma’ dan l-investiment, il-gvern kompla jinvesti fl-infrastruttura skolastika b’investiment kemm f’bini ġdid kif wkoll f’manutenzjoni estensiva fi skejjel li ilhom iservu għal bosta snin.
Id-demografija tal-pajjiż qed twassal biex il-ħtiġiet tal-iskejjel fil-lokalitajiet differenti qed jinbidlu. Hemm lokalitajiet li fihom in-numru ta’ tfal niżel b’mod drastiku iżda hemm lokalitajiet fejn il-popolazzjoni fl-iskejjel qed tibqa’ tikber minn sena għal oħra. Dan fih innifsu joħloq sfidi differenti. Minn banda hemm skejjel li qed jispiċċaw bi ftit tfal f’kull klassi li twassal għad-domanda jekk għandhomx jingħaqdu skejjel ta’ lokalitajiet differenti flimkien kemm għall-ġid tat-tfal kif wkoll għall-aħjar amministrazzjoni tar-riżorsi. Mill-banda l-oħra, hemm l-isfida kontinwa biex l-infrastruttura skolastika tkun adegwata fejn in-numru ta’ tfal qiegħed jikber.
Il-ħajja fl-iskola mhijiex biss il-bini, is-surmast, l-għalliema, l-LSE u l-istaff kollu li jagħti l-ħidma fl-iskejjel. L-iskejjel huma il-post tal-formazzjoni tat-tfal. It-tħejjija tal-ġenerazzjonijiet ta’ pajjiżna t’għada. Huma l-post fejn it-tfal minn eta żgħira jingħataw l-għarfien meħtieġ biex jiksbu il-ħiliet għal ħajjithom. Minn fost it-tfal tal-iskola llum, se jkunu qed jitwieldu l-mexxejja ta’ għada, il-ħaddiema t’għada, il-professjonisti t’għada.
Qed ngħixu f’dinja b’realtajiet differenti mill-imgħoddi
Dan il-kliem ilna ngħiduh għal ġenerazzjonijiet sħaħ imma rridu nfakkru li l-futur ta’ pajjiżna u lil hinn se jkun wieħed li jkompli jinbidel b’rata dejjem mgħaġġla. Ir-rwol tal-iskola m’għadux kif kien lura fis-snin meta ddaħħlet il-liġi li t-tfal riedu jattendu l-iskola l-ewwel sa 14-il sena u wara sa 16-il sena kif għadha llum. F’dawk is-snin, kien meħtieġ li t-tfal Maltin ma jibqgħux illitterati. Ikollhom ħiliet bażiċi fejn l-opportunitajiet ta’ xogħol kienu limitati.
Id-dinja li qed ngħixu fiha llum għandna realtajiet kompletament differenti. Filwaqt li pajjiżna evolva u għandna ħafna aktar żgħażagħ li qed ikomplu jistudjaw fil-livell terzjarju, huwa fatt li għad għandna numru konsiderevoli ta’ żgħażagħ li qed jispiċċaw mill-iskola bi ftit jew mingħajr ħiliet bażiċi. Dan kollu rridu nqisuh fl-isfond li l-ħiliet li qed isiru dejjem aktar meħtieġa qed jinbidlu u qed jinbidlu b’rata mgħaġġla ħafna.
Fil-fatt, meta ngħidu ħiliet bażiċi irridu noqgħodu attenti x’qed infissru meta ngħidu hekk. Fis-sena 2025, il-ħiliet bażiċi għadhom li taf tikteb u taqra? Li taf tagħmel somma? Realistikament, il-ħiliet bażiċi tal-lum f’dinja dejjem aktar diġitali x’inhuma? Dawn huma mistoqsijiet li għalihom qed jingħataw risposti iżda hemm bżonn li nfissru aktar u noħolqu aktar għarfien u gwida biex it-tfal u ż-żgħażagħ tal-lum ikomplu jtejjbu t-tħejjija tagħhom għall-ġejjieni.
L-istatistika dwar il-qari f’pajjiżna hija inkwetanti. L-imħabba lejn il-ktieb qedha tonqos. Veru li llum hemm mezzi elettroniċi li wieħed juża biex jaqra imma kemm huwa b’saħħtu l-interess għall-qari? Din ir-realtà dwar l-imħabba nieqsa lejn il-qari hemm bżonn li tiġi indirizzata. Filwaqt li wieħed irid jirrikonoxxi l-fatt li hemm inżijattivi, huwa evidenti li jrid isir aktar.
Persuni ta’ suċċess
L-għerf, it-tagħrif, l-ideat u t-tagħlim jinstab stivat fil-kilometri ta’ xkaffar li għandna b’kotba li għandna. Is-sorsi ta’ qari jinsabu fin-numru bla tarf ta’ siti u sorsi oħra fuq l-internet fejn wieħed jista’ jirriċerka jsib materjal. Huwa fatt li n-nies ta’ suċċess huma nies li għandhom għatx qawwi biex jitgħallmu s-suġġett jew il-ħaġa li jmiss.
Pajjiżna jiddependi bi sħiħ minn persuni ta’ suċċess. Ma nistgħu ninsew qatt li s-suċċess ta’ pajjiżna twieled min-nies bieżla, ħawtiela u li kellhom passjoni biex jagħmlu l-affarijiet dejjem aħjar. Pajjiżna mingħajr riżorsi naturali imma li dejjem kellu riżorsi umani kapaċi. Din il-formola ta’ suċċess irridu nindukrawħa. Is-suċċess ta’ pajjiżna m’huwiex wieħed awtomatiku. Ta’ kuljum irridu nibqgħu nistinkaw biex niżġuraw li jibqa’ jseħħ.
L-edukazzjoni dejjem aġġornata hija parti mill-formola ta’ aktar suċċess fil-futur. Il-kisbiet li għamilna tul is-snin huma xempju ta’ kif nistgħu nagħmlu kisbiet akbar u aħjar fil-futur. Il-formola trid tibqa’ tiġi adattata għal dak li qed joffri u se joffri l-ġejjieni. Illum, fuq il-bank tal-iskola hemm il-persuni bit-talenti li għada se jwettqu dan is-suċċess.