Fi żminijiet tal-imgħoddi, is-sentenza tal-piena tal-mewt u pieni ta’ swat kienu jiġu eżegwiti fil-pubbliku. Ma kienux biss piena biex issir il-ġustizzja iżda l-fatt li l-eżekuzzjoni kienet issir fil-pubbliku kienet titqies wkoll mezz kif tgħaddi messaġġ lis-soċjetà dwar il-konsegwenżi għal min jikser il-liġi. Bosta jqisu li l-eżekuzzjoni kienet tattira l-follol għaliex kienet isservi bħala forma ta’ spettaklu. Spettaklu kemmxejn pervers ta’ nies li riedu jaqtgħu il-kurżità u jaraw il-qtil jew swat mogħti skont il-liġi.
Jekk wieħed imur aktar lura fis-snin, l-areni li kienu jinbnew fi żmien ir-Rumani kienu maħsuba biex jilqgħu il-folol biex jaraw spettakli vari. Fost dawk l-ispettakli kien hemm wkoll eżekuzzjoni ta’ persuni b’modi aktar krudili minn dawk użati fi snin aktar riċenti.
Illum eżekuzzjonijiet fil-pubbliku m’għadhomx isiru. Ilhom li nqatgħu snin twal u f’pajjiżna il-piena tal-mewt ilha li tneħħiet mill-kodiċi kriminali aktar minn 50 sena. Minkejja dan, xorta għad hemm l-aptit tan-nies li jaraw eżekuzzjoni. Mhux qed ngħid għal xi xena ta’ film imma l-aptit ma jaqtax ta’ numru mhux ħażin li llum qed isibu l-mezzi soċjali konvenjenti ħafna biex iqattgħu f’eżekuzzjoni bi kliem iebes u li jweġġa’.
Il-mezzi soċjali issa ilhom magħna għal numru ta’ snin. Kien ħemm bosta li qiesu dan l-iżvilupp fl-istorja tal-bniedem bħala era ġdid fejn kulħadd se jkollu l-opportunità li jsaħħaħ il-libertà tal-espressjoni. Opportunità biex id-dibattitu fis-soċjetà jissaħħaħ għaliex wieħed jingħata pjattaforma fejn jitkellem mingħajr ċensura u mingħajr ebda xkiel.
Eżekuzzjoni pubblika ta’ omm imnikkta
Huwa minnu li kulħadd għandu pjattaforma biex jgħid dak li jrid u li jaħseb imma qed jirriżulta li l-inċidenża ta’ kliem li jweġġa’ u maħsub u intezjonat biex iweġġa’ qed jiżdied. Il-libertà tal-espressjoni ma tfissirx id-dritt li xi ħadd b’mod sistematiku fis-sens metaforiku iqatta’ persuna oħra jew iżeblaħha.
Fl-aħħar ġimagħtejn, f’pajjiżna, omm li kienet għadħa kif tilfet lil binha f’inċident traġiku kellha tmur quddiem il-mezzi tax-xandir biex twieġeb għall-allegazzjonijiet u insulti li rċeviet min-nies li jtuha fuq il-mezzi soċjali biex jagħmlu eżekuzzjoni pubblika. Malajr ħarġu l-ġudikanti foloz bi stejjer u allegazzjonijiet u ppruvaw jitfgħu ħtija fuq l-omm għat-telfa ta’ binha. Minflok fittxew kliem ta’ sabar, ta’ ħniena u mogħdrija, bi kliemhom ħolqu spettaklu bħal dak fl-arena Rumana.
Is-soċjetà tagħna suppost li evolviet lejn waħda li tagħti wens, li turi solidarjetà, li tħares il-valur tar-rispett u d-diċenza. Imma jidħer li l-istint li kien jieħu l-massess jaraw l-eżekuzzjonijiet fi żminijiet imgħoddija ma ġiex imrażżan imma qed jiġi espress fil-forom diġitali.
L-aħħar seduta
L-aħħar jum ta’ Ġunju ta’ din is-sena għall-Imħallef Toni Abela kienet tfisser l-aħħar ġurnata tiegħu bħala imħallef. Bil-mod ħawtiel u bieżel tiegħu, kwalità li wera sa mill-ewwel ġurnata mill-ħatra tiegħu, fl-aħħar jum tal-ħidma tiegħu bħala imħallef ta numru konsiderevoli ta’ sentenzi. Sentenzi ta’ materja importanti. Wera bil-fatti dak li tkellem fuqu fid-diskors tal-aħħar seduta tiegħu, li x-xogħol tal-imħallef huwa li jara li jwassal kwistjoni bejn il-partijiet għal sentenza li tiddeċiedi dak il-litiġju.
Meta indirizza lill-Imħallef Toni Abela fl-aħħar seduta, il-President tal-Kamra tal-Avukati Dr Peter Fenech stqarr li l-Imħallef Abela kien għad fadallu ħafna x’jagħti. Tista’ tgħid li dan huwa s-sentiment li kien hemm fost il-ġudikanti u anke fost il-professjoni legali li ta’ kuljum isservi fil-Qrati.
Ivvutaw kontra li ġudikant jibqa’ jaħdem sa 70 sena
Ħasra li l-Oppożizzjoni Nazzjonalista, ġimgħa qabel kellha fehma l-oppost ta’ dak li esprima il-President tal-Kamra tal-Avukati. L-Oppożizzjoni meta ġiet ppreżentata bi proposta biex l-età tal-irtirar tal-ġudikanti tiżdied għal 70 sena, għażlet li tivvota kontra. Għażlet li l-Imħallef Abela, li skont il-President tal-Kamra tal-Avukati kien għad fadallu x’jagħti lill-pajjiż, kellu jieqaf fl-aħħar ta’ Ġunju ta’ din is-sena u mħux meta jagħlaq 70 sena.
Kellhom kull opportunità jaqblu ma’ din il-proposta u jivvutaw kontra proposti oħra bis-saħħa ta’ mozzjoni ta’ proċedura li approva l-Parlament. Proċedura li tat l-opportunità lill-Parlament japprova l-abbozz klawsola klawsola fit-tielet qari u mhux bħala abbozz sħiħ.
Ġabu l-iskuża li vvutaw kontra għax riedu riforma ħolistika. Fil-verità għażlu li ma jbiddlux. Inħalli f’idejkom tiddeċiedu x’kienet ir-raġuni vera.